Ħafna drabi waqt li tkun qiegħed taħdem fuq
dokument għal klijent ikollok bżonn tirreferi għall-house style tal-pubblikatur. Naturalment dan se jinkludi ħafna
regoli ta’ ortografija – speċjalment fejn jidħlu varjanti jew każijiet fejn
għad m’hemmx deċiżjoni uffiċjali – kif ukoll regoli ta’ preżentazzjoni: kemm
inħalli spazju bejn vers u ieħor, jew paragrafu u ieħor; x’tipa nuża, u x’daqs;
hemm indenzjoni fil-bidu ta’ kull paragrafu, jew le? Ġeneralment huwa x-xogħol
tal-copy editor li jara li dan isir
sew, imma jista’ jinqala’ l-każ li l-qarrej tal-provi jiġi mitlub jagħmlu.
l-iStyles
fil-Word 2010 jistgħu jiġu utli hawn. Permezz ta’ Style tista’ tissettja ġabra ta’ struzzjonijiet li l-Word ikun
jista’ jeżegwihom bi klikkjatura waħda.
[Hawnhekk se nuża l-kelma Ingliża Styles biex nirreferi għall-funzjoni
partikolari li tinsab fil-Word u nagħżilha mill-kunċett ġenerali ta’ stil.]
Fit-tabella tal-Home għandek Styles fuq
in-naħa tal-lemin taż-żigarella, u turik xempju tal-istili l-aktar komuni,
fosthom Normal, Heading 1 u Heading 2.
Jekk tiskrolja ’l fuq u ’l isfel tara li hemm ħafna aktar – prattikament għal
kull element partikolari li ssib f’test. Dawn huma kollha sbieħ u tajbin, imma
naturalment żgur li xi darba se jiġri l-każ li tkun trid tagħmel l-istil tiegħek,
jew tqabbel stil li diġà jeżisti ma’ xi house
style ta’ pubblikatur.
Ġeneralment fl-istil wieħed ikun irid
jikkontrolla t-tipa u d-daqs tagħha, l-indenzjoni tal-ewwel vers tal-paragrafu, ix-xaqliba tat-test u spazji bejn il-vrus u l-paragrafi. Dawn huma biss l-aktar
ħtiġijiet komuni, imma Style fil-Word
jista’ jinkludi ħafna aktar elementi.
Hemm ħafna modi biex toħloq stil mill-ġdid.
L-eħfef huwa billi taqbad u tittajpja sentenza jew paragrafu, tirranġa
l-elementi kollha kif trid minn fuq il-buttuni fil-menù u tqabbad lill-Word
joħloq Style b’dawn l-attributi
kollha.
Nagħmlu mod li rrid li l-paragrafi kollha
tat-test ewlieni f’dokument ikollhom dawn l-ispeċifikazzjonijiet:
·
Tipa: Georgia, daqs 11pt.
·
Xaqliba: fully justified
·
Spazju bejn vrus: doppju
·
Indenzjoni tal-ewwel vers: 1.25ċm
Ibda dokument ġdid, ittajpja l-ewwel sentenza
jew l-ewwel paragrafu tat-test u poġġilu dawn l-elementi kollha.
Ħalli l-cursor
xi mkien qalb it-test (jew jekk trid tkun ċert li l-Word jirreġistrah agħżlu – highlight – kollu).
Issa osserva l-ġabra ta’ xempji ta’ stili li
għandek fuq iż-żigarella, u kklikkja fuq il-buttuna ċ-ċkejkna (bilkemm tidher)
isfel nett fuq il-lemin. Din se tiftaħ kaxxa b’lista ta’ stili u xi buttuni
taħt.
X’ikun hemm fil-lista tal-istili jiddependi
mill-preferenzi ssettjati fil-programm – dwar dawn nitkellmu aktar tard f'posta oħra. Li
tinteressa lilna hija l-ewwel buttuna, isfel nett fuq ix-xellug – New Style. Ikklikkja fuqha.
Se titla’ t-tieqa Create New Style from Formatting. Ħares lejn l-istampa fuq ix-xellug u l-partijiet innumrati fuqha. Se niddiskutuhom hawn taħt.
1. L-ewwelnett għandek l-isem tal-istil. Agħtih isem ċar li tiftakru ħalli
aktar tard meta tarah tkun tista’ tiftakar xi stil kien. Evita li tuża l-alfabett Malti, hawn, għax jista’ ma jintgħarafx sew mis-sistema.
2. Malli tikklikkja ENTER wara
l-isem l-istess stil se jidher awtomatikament fil-kaxxa Style for following paragraph. Dan biex juri lill-Word li
l-paragrafu li jmiss se jżomm l-istess stil.
3. Fis-sezzjoni tal-Formatting
se tara li l-font u d-daqs tagħha huma kif fassalna fuq il-paġna.
4. L-istess jgħodd għall-full
justification u l-ispazju bejn il-vrus fit-tieni linja tal-Formatting.
5. Taħt ix-xempju tal-istil għandek l-informazzjoni kollha li tajna.
6. Ix-xempju jurik kif il-paragrafu se jkun qed jidher fuq il-paġna.
Kif wieħed jista’ jara dawn l-affarijiet
kollha sibniehom diġà lesti fl-istil il-ġdid billi konna ssettjajniehom qabel
ma ħloqna l-istil innifsu. Kull ma għamilna iżjed kien li nagħtu isem
lill-istil.
Il-buttuna Format tista’ tagħtina ħafna aktar għażliet biex nikkontrollaw
elementi oħra fl-istil. Dan nitkellmu fuqu f’posta oħra.
Issa, malli nikklikkja OK se nara li l-isem tal-istil il-ġdid tiegħi se jidher fil-lista
ta’ stili fil-kaxxa u anki fiż-żigarella tax-xempji. Darb' oħra, meta jkolli bżonn nuża dawn l-elementi kollha flimkien fuq paragrafu, kemm nikklikkja isem l-istil fil-lista.
No comments:
Post a Comment