Meta tixgħel it-Track Changes biex dak li tikkoreġi
jidher fuq l-iskrin u jibqa’ maħżun mad-dokument, inti se tara waħda minn erba’
veduti, li huma:
- Final: Show Markup
- Final
- Original: Show Markup
- Original
Dawn l-għażliet
issibhom fit-tabella tar-Review, fil-grupp
tat-Tracking, l-ewwel buttuna fuq
il-lemin biswit il-buttuna l-kbira tat-Track
Changes.
Huwa importanti
li tifhem sew xi tkun qed turi fuq l-iskrin kull waħda minn dawn il-veduti.
Dejjem tajjeb ukoll li tagħti daqqa t’għajn lejn iż-żigarella tal-għażliet biex
tkun taf liema veduta tkun qed tidher waqt li qed taħdem. Dan għaliex l-għażla
tal-veduta jinħażen mas-settings
l-oħra tad-dokument. Jekk ngħidu aħna l-klijent jaħżen id-dokument bil-veduta Original: Show Markup, din il-veduta se
tidher fuq il-kompjuter tiegħek malli ttella’ d-dokument biex taħdem fuqu.
L-aktar veduti
importanti, m’għandniex xi ngħidu, huma dawk bix-Show Markup, li juru l-annotazzjonijiet tat-tibdil fid-dokument.
Minn liema veduta qed tidher se jiddependi kif il-korrezzjoni se tiġi
ppreżentata fuq l-iskrin.
It-Track Changes juru tliet tipi ta’
tibdiliet bażiċi: kliem li tħassar mid-dokument oriġinali, kliem li żżid u
formattjar li tbiddel. B’formattjar hawn ninkludu tibdil ta’ font, daqs jew
stil kif ukoll il-lingwa użata.
Minn dawn
l-aktar li jinteressawna ġeneralment huma t-tibdiliet fuq it-test innifsu:
x’inkunu ħassarna u x’inkunu żidna mad-dokument oriġinali.
Il-Word għandu
modi differenti kif juri dawn it-tibdiliet, imma bażikament jiffoka fuq marki ġewwa
t-test stess u annotazzjonijiet (l-hekk imsejħa balloons) fil-marġini tad-dokument, fuq il-lemin tal-paġna
(din l-għażla tista’ titbiddel ukoll).
X’jidher ġewwa
t-test u fil-marġini tista’ tiddeċidih inti wkoll.
Niżżel il-menu tal-buttuna Show Markup u dak ta’ Balloons.
It-tliet għażliet li għandek huma ċari:
- Show All Revisions in Balloons se jurik it-tibdil fil-marġini.
- Show All Revisions Inline se jurik kollox ġewwa t-test.
- Show Only Comments and Formatting in Balloons se jurik biss dak li qed jgħid: il-korrezzjonijiet se jidhru dejjem ġewwa t-test, b’din l-għażla, u fil-marġini tidher biss informazzjoni li mhix parti integrali mid-dokument.
L-aktar għażla
prattika – għall-inqas fl-opinjoni tiegħi – hija l-ewwel waħda, għax din tifred
dak it-test imneħħi minn dak miżjud, u t-tnejn jidhru ċari mad-daqqa t’għajn f’postijiet
differenti fil-paġna.
Issa ladarba
tagħżel din l-opzjoni tista’ tiddeċiedi x’jidher ġewwa t-test u x’jidher
fil-marġini. Hawnhekk jidħlu l-veduti tax-Show
Markup.
Meta tagħżel Final u Original il-korrezzjonijiet ma jidhrux.
Fl-original se tara biss it-test kif
kien qabel ma saru l-korrezzjonijiet. Il-Final se turi t-test bil-korrezzjonijiet integrati, u kull
test imneħħi mhux se jidher iktar. Madankollu tajjeb li tinnota li f’dawn
iż-żewġ każijiet għalkemm tibdilijiet ma jidhrux fuq il-paġna dawn xorta
waħda għadhom maħżunin mal-kumplament tad-dokument; huma sempliċement
moħbijin.
Issa ħalli naraw
x’juruna l-veduti bix-Show Markup.
- Tidher il-verżjoni rranġata tad-dokument.
- Il-korrezzjoni tidher kollha.
- Test mibdul jew miżjud jidher fid-dokument.
- Test imneħħi mid-dokument jidher fil-marġini
Original:
Show Markup
- Tidher il-verżjoni oriġinali tad-dokument.
- Il-korrezzjoni tidher kollha.
- Test mibdul jew miżjud jidher fuq barra.
- Test imneħħi mid-dokument jibqa’ jidher fil-vrus imma ngassat.
Liema veduta
tippreferi jiddependi mill-gosti tiegħek jew tal-klijent. Personalment
nippreferi l-Final: Show Markup
għalhiex it-test imneħħi jidher fil-fatt ‘maqlugħ’ mid-dokument u mqiegħed
fil-ġenb waqt li t-test mibdul jew miżjud se jidher bħala parti integrali
tat-test, fil-pożizzjoni fejn għandu jkun.
Hemm għażliet
oħra li għandhom x’jaqsmu mat-Track
Changes u kif dawn jidhru fuq l-iskrin. Dawn nitkellmu dwarhom f’posta
oħra.
No comments:
Post a Comment