Issa li rajna kif jaħdmu bażikament l-Acrobat Reader XI u
DC, tajjeb li nikkunsidraw xi aspetti ġenerali li jirrigwardaw liż-żewġ
verżjonijiet jew li hemm bżonn inżommu f’rasna meta nużaw dawn il-programmi.
L-Acrobat Reader mhux iddisinjat biex joħloq dokumenti
bħalma huwa l-Microsoft Word, imma huwa speċifikament għodda biex tgħinek
tirrevedi dokument. Lanqas huwa programm ta’ editjar. Għaldaqstant ma nkunux
ġusti jekk nippruvaw inqabbluh mal-Word.
Dan jimplika ħafna affarijiet, fosthom:
- Qed taħdem fuq kopja ta’ dokument oriġinali (is-sors) u t-tibdiliet li se tagħmel mhumiex se jaffettwaw is-sors direttament.
- Ma tistax tmiss it-test li diġà jeżisti. Li tista’ tagħmel hu li timmarkah u tikkummenta fuqu.
- Ma hemm l-ebda mod biex tirrinġa t-tipa (fonts). Jekk jasallek dokument bl-alfabett Ingliż m’hemmx mod awtomatiku li jaqleb għall-ittri Maltin.
- M’għandekx għodda bħat-Find & Replace tal-MS Word biex tbiddel każijiet ta’ żbalji ripetuti. L-aktar li tista’ tagħmel f’dan il-każ huwa li tikkoreġi l-ewwel każ, tannotah biex tiġbed l-attenzjoni tal-klijent u mbagħad timmarka kull każ li jiġi wara bil-Highlight text biss (mingħajr aktar annotazzjonijiet).
- Jekk il-klijent jitolbok għal xogħol fuq il-format u l-preżentazzjoni (copy editing), dan ma jistax isir fuq dokument PDF, għaliex il-format u d-dehra ġenerali ta’ dokument PDF huma fissi u ma tistax iċċaqlaqhom.
- Waqt li fil-Word il-klijent sempliċement jaċċetta jew jiċħad il-markups tiegħek, bir-Reader ikollu jittrasferixxi l-markups tiegħek manwalment fuq is-sors tad-dokument.
Għaldaqstant dan kollu jfisser li ħafna xogħol li
tista’ tagħmel int bħala qarrej tal-provi fuq il-Microsoft Word (speċjalment
bil-funzjoni tal-Find & Replace) ikollu jagħmlu l-klijent fuq id-dokument
oriġinali li jkun inħoloq bi programm ieħor bħall-Word, il-PowerPoint,
l-OpenOffice, l-InDesign, eċċ.
Huwa importanti li tispeċifika dan lill-klijent jekk
jinsisti li jibgħatlek dokument PFD biex tiċċekkjah.
Jekk inti tkun midħla sew tal-programm li fuqu jkun inħoloq
is-sors tad-dokument (u jekk ikollok il-programm installat fuq il-computer
tiegħek), dejjem jaqbillek titlob lill-klijent jgħaddilek id-dokument b’dak
il-format nattiv. B’dan il-mod jitnaqqas ħafna mill-ħin li jittieħed tul
l-ipproċessar tad-dokument.