Fl-aħħar ta’
din is-sena, aħna, bħala s-sitt istituzzjonijiet u għaqdiet ewlenin li jaħdmu
favur l-iżvilupp tal-Malti, nixtiequ nirringrazzjaw lill-membri tal-Kunsill
Nazzjonali tal-Ilsien Malti tad-dedikazzjoni tagħhom u tal-ħidma professjonali
li wettqu favur l-ilsien nazzjonali tagħna.
Il-ħidma tal-Kunsill kienet
mifruxa fuq bosta oqsma bil-għan li tħalli l-frott tagħha fit-tul. Ngħidu aħna,
flimkien mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, il-Kunsill issa ilu ħdax-il
sena jmexxi kors universitarju tal-qari tal-provi u minnu ħarġu mal-400 ruħ
imħarrġin sewwa f’dan il-qasam. Barra minn hekk, il-Kunsill ħadem
fuq l-iżvilupp tal-Malti f’oqsma meħtieġa, bħal fil-każ tal-kotba
tal-ġeografija u t-terminoloġija fl-isport. Ħadem ukoll, fost
l-oħrajn, biex ikollna sinjali bil-Malti u bl-Ingliż fit-toroq, fiċ-Ċentru
tal-Onkoloġija tal-Isptar Mater Dei, u fit-trasport pubbliku.
Ħafna mix-xogħol tal-Kunsill
sar id f’id ma’ istituzzjonijiet oħra bħall-Akkademja, id-Dipartiment tal-Malti
fl-Università, u d-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, u jirrifletti l-armonija li
teżisti bejn l-organizzazzjonijiet li jaħdmu għat-tisħiħ tal-Malti.
Il-pubblikazzjoni tad-Damma ta’ Agius de Soldanis hija eżempju
tajjeb ta’ din il-ħidma kollaborattiva. Minbarra konsultazzjoni kontinwa
mal-pubbliku, saret ukoll ħafna konsultazzjoni speċjalizzata mal-esperti mhux
lingwistiċi ta’ ċerti oqsma, bħall-għalliema tal-ġeografija u t-tobba.
Nirringrazzjaw lill-Kunsill
ukoll tax-xogħol li sar matul dawn l-aħħar snin permezz tas-sottokumitat
maħtur biex jistudja l-kitba tal-kliem Ingliż fil-Malti, biex il-lingwa
tagħna jkollha sistema serja ta’ kif tikteb il-kliem li dieħel fil-Malti
mill-Ingliż. Il-Kunsill mexa b’kawtela u wera li l-istudjużi ewlenin
tal-Malti kapaċi joħorġu b’soluzzjonijiet konkreti wara
riċerka professjonali u konsultazzjoni kontinwa mal-pubbliku.
Id-deċiżjonijiet li wasal għalihom il-Kunsill ma jirrepetux l-iżbalji li saru
fl-imgħoddi, meta l-Kunsill kien għadu ma jeżistix.
L-għalliema, il-ġurnalisti, ix-xandara,
il-kittieba, il-pubblikaturi, it-tradutturi, u l-poplu inġenerali issa jistgħu
jserrħu rashom li fejn jidħol dan il-kliem issa għandhom quddiemhom
deċiżjonijiet mibnijin fuq riċerka serja dwar il-fenomeni lingwistiċi f’Malta u
l-esperjenza ta’ fenomeni simili barra minn Malta, u fuq konsultazzjoni
pubblika wiesgħa u fil-miftuħ.
Dawn id-deċiżjonijiet
intlaqgħu tajjeb minn dawk li ħadu sehem fl-aħħar seminar pubbliku dwar
dan is-suġġett organizzat mill-Kunsill. Ladarba ngħalaq il-proċess ta’
konsultazzjoni, nitolbu li dawn id-deċiżjonijiet finali jiġu
ppubblikati kemm jista’ jkun malajr biex jitwarrbu l-inċertezzi.
Fl-istess ħin, nitolbu
lill-Ministru għall-Edukazzjoni biex, kif titlob il-Liġi tal-Malti, il-Kunsill
ikollu ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Ilsien Malti, post diċenti bħalma
għandhom kunsilli nazzjonali oħrajn f’oqsma differenti
f’pajjiżna. L-uffiċċju tal-Kunsill irid ikollu l-professjonisti impjegati
miegħu biex ikun jista’ jifrex il-ħidma tiegħu.
Issa li għalaq it-terminu
tal-Kunsill preżenti, inħeġġu lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex
jaħtar Kunsill ġdid, kif titlob il-Liġi, magħmul minn esperti tal-Ilsien
Malti u minn rappreżentanti ta’ oqsma li qed jaħdmu direttament fl-iżvilupp
professjonali tal-Malti. Meta twaqqaf il-Kunsill tal-Malti fl-2005 b’vot
unanimu fil-Parlament, din kienet l-istruttura li kien qabel fuqha kulħadd u li
wriet is-siwi tagħha bil-provi.
Il-Kunsill wettaq il-ħidma
tiegħu bi professjonalità u b’kolleġġjalità għax ħadem b’serjetà akkademika. Aħna
nistennew li l-Ministru jara li din is-serjetà tinżamm meta jaħtar il-membri
l-ġodda. Il-Kunsill il-ġdid irid ikollu maġġoranza ċara ta’ esperti tal-ilsien
Malti u kapijiet tal-Kumitati Tekniċi nnominati mill-istituzzjonijiet li
jissemmew fil-Liġi.