Showing posts with label Kummenti ġenerali. Show all posts
Showing posts with label Kummenti ġenerali. Show all posts

Favur Kunsill tal-Malti b’sisien akkademiċi sodi

Stqarrija mill-istituzzjonijiet u l-għaqdiet li jaħdmu favur
l-iżvilupp tal-ilsien Malti
22.12.2016

Fl-aħħar ta’ din is-sena, aħna, bħala s-sitt istituzzjonijiet u għaqdiet ewlenin li jaħdmu favur l-iżvilupp tal-Malti, nixtiequ nirringrazzjaw lill-membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti tad-dedikazzjoni tagħhom u tal-ħidma professjonali li wettqu favur l-ilsien nazzjonali tagħna.

Il-ħidma tal-Kunsill kienet mifruxa fuq bosta oqsma bil-għan li tħalli l-frott tagħha fit-tul. Ngħidu aħna, flimkien mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, il-Kunsill issa ilu ħdax-il sena jmexxi kors universitarju tal-qari tal-provi u minnu ħarġu mal-400 ruħ imħarrġin sewwa f’dan il-qasam. Barra minn hekk, il-Kunsill ħadem fuq l-iżvilupp tal-Malti f’oqsma meħtieġa, bħal fil-każ tal-kotba tal-ġeografija u t-terminoloġija fl-isport. Ħadem ukoll, fost l-oħrajn, biex ikollna sinjali bil-Malti u bl-Ingliż fit-toroq, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija tal-Isptar Mater Dei, u fit-trasport pubbliku.

Ħafna mix-xogħol tal-Kunsill sar id f’id ma’ istituzzjonijiet oħra bħall-Akkademja, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, u d-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, u jirrifletti l-armonija li teżisti bejn l-organizzazzjonijiet li jaħdmu għat-tisħiħ tal-Malti. Il-pubblikazzjoni tad-Damma ta’ Agius de Soldanis hija eżempju tajjeb ta’ din il-ħidma kollaborattiva. Minbarra konsultazzjoni kontinwa mal-pubbliku, saret ukoll ħafna konsultazzjoni speċjalizzata mal-esperti mhux lingwistiċi ta’ ċerti oqsma, bħall-għalliema tal-ġeografija u t-tobba.

Nirringrazzjaw lill-Kunsill ukoll tax-xogħol li sar matul dawn l-aħħar snin permezz tas-sottokumitat maħtur biex jistudja l-kitba tal-kliem Ingliż fil-Malti, biex il-lingwa tagħna jkollha sistema serja ta’ kif tikteb il-kliem li dieħel fil-Malti mill-Ingliż. Il-Kunsill mexa b’kawtela u wera li l-istudjużi ewlenin tal-Malti kapaċi joħorġu b’soluzzjonijiet konkreti wara riċerka professjonali u konsultazzjoni kontinwa mal-pubbliku. Id-deċiżjonijiet li wasal għalihom il-Kunsill ma jirrepetux l-iżbalji li saru fl-imgħoddi, meta l-Kunsill kien għadu ma jeżistix.

L-għalliema, il-ġurnalisti, ix-xandara, il-kittieba, il-pubblikaturi, it-tradutturi, u l-poplu inġenerali issa jistgħu jserrħu rashom li fejn jidħol dan il-kliem issa għandhom quddiemhom deċiżjonijiet mibnijin fuq riċerka serja dwar il-fenomeni lingwistiċi f’Malta u l-esperjenza ta’ fenomeni simili barra minn Malta, u fuq konsultazzjoni pubblika wiesgħa u fil-miftuħ.

Dawn id-deċiżjonijiet intlaqgħu tajjeb minn dawk li ħadu sehem fl-aħħar seminar pubbliku dwar dan is-suġġett organizzat mill-Kunsill. Ladarba ngħalaq il-proċess ta’ konsultazzjoni, nitolbu li dawn id-deċiżjonijiet finali jiġu ppubblikati kemm jista’ jkun malajr biex jitwarrbu l-inċertezzi.

Fl-istess ħin, nitolbu lill-Ministru għall-Edukazzjoni biex, kif titlob il-Liġi tal-Malti, il-Kunsill ikollu ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Ilsien Malti, post diċenti bħalma għandhom kunsilli nazzjonali oħrajn f’oqsma differenti f’pajjiżna. L-uffiċċju tal-Kunsill irid ikollu l-professjonisti impjegati miegħu biex ikun jista’ jifrex il-ħidma tiegħu.

Issa li għalaq it-terminu tal-Kunsill preżenti, inħeġġu lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jaħtar Kunsill ġdid, kif titlob il-Liġi, magħmul minn esperti tal-Ilsien Malti u minn rappreżentanti ta’ oqsma li qed jaħdmu direttament fl-iżvilupp professjonali tal-Malti. Meta twaqqaf il-Kunsill tal-Malti fl-2005 b’vot unanimu fil-Parlament, din kienet l-istruttura li kien qabel fuqha kulħadd u li wriet is-siwi tagħha bil-provi.

Il-Kunsill wettaq il-ħidma tiegħu bi professjonalità u b’kolleġġjalità għax ħadem b’serjetà akkademika. Aħna nistennew li l-Ministru jara li din is-serjetà tinżamm meta jaħtar il-membri l-ġodda. Il-Kunsill il-ġdid irid ikollu maġġoranza ċara ta’ esperti tal-ilsien Malti u kapijiet tal-Kumitati Tekniċi nnominati mill-istituzzjonijiet li jissemmew fil-Liġi.  





Kummenti personali wara s-seminar Il-Kitba tal-Kliem mill-Ingliż għall-Malti (18/6/2016)

L-ewwelnett nixtieq nifraħ u nirringrazzja lill-membri kollha tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u lil kull min qiegħed jgħin fix-xogħol siewi li qed isir għat-titjib tal-istandard tal-Malti miktub. Il-laqgħa tat-18 ta’ Ġunju kienet ilha mistennija b’ħerqa minn ħafna nies u nemmen li permezz tagħha għamilna pass kbir ’il quddiem.

Nixtieq niffoka l-kummenti tiegħi fuq il-kwistjoni tal-preżentazzjoni tal-kliem misluf mill-Ingliż.

  • Naqbel mal-punt li kittieb jista’ jagħżel li kelma jiktibha bl-ortografija oriġinali Ingliża jew bl-ortografija Maltija.
  • Naqbel mal-punt li m’għandux ikun hemm użu mħallat taż-żewġ ortografiji fl-istess kelma.
  • Napprezza l-għażla li tingħata lill-kittieb biex jiddeċiedi liema sistema juża kif ukoll nagħraf ir-responsabbiltà tal-kittieb li jkun konsistenti fl-għażla tiegħu.

Għad mhuwiex ċar – għall-inqas f’għajnejja – x’jiddetermina kelma Ingliża ġietx assimilata jew le fil-Malti. Naturalment kliem bħal friġġ u futbol ilhom għexieren ta’ snin magħna u ma jistunawx fil-kitba għax forsi drajniehom. Imma teżisti xi linja preċiża li tiddetermina dan? Jekk friġġ u futbol iva, għaliex erkondixiner le (qed nuża dan il-kliem għall-argument biss)? Hemm kliem li daħal fil-lingwa reċentement meta mqabbel ma’ kliem ieħor. Liema kriterju jintuża biex niddeterminaw dan il-kliem ġiex assimilat jew le? Huwa mistenni minn kittieb, ġurnalist jew għalliem li jibqa’ aġġornat biex ikun jaf kliem li daħal fil-Malti ġiex ‘promoss’ bħala kliem assimilat? Qed nimmaġina li jkun hemm dizzjunarji li forsi jiddetermina dan, imma kemm-il sena tgħaddi bejn il-pubblikazzjoni ta’ dizzjunarju u ieħor?

Fil-kitba tiegħi kont nuża s-sistema tal-ortgorafija Maltija għal ċerti kliem, imma mbagħad meta kont inħoss li kelma tidher kemmxejn stramba kont inħalliha bl-ortografija Ingliża u nagħmilha bil-kursiv. Madankollu dejjem kont inħoss li d-deċiżjoni ta’ liema ortografija nuża kienet tkun arbitrarja, u mhux neċessarjament tagħmel sens lil kittieb ieħor jew lill-qarrejja. Barra minn hekk dejjem ħassejt ukoll li kien hemm inkonsisteza fit-trattament tiegħi tal-kliem barrani, biex ma nsemmix il-fatt li kien hemm inkonsistenza fil-kitba bl-użu ta' żewġ kriterji differenti.

Fid-dawl tal-laqgħa li kellna se nipprova nkun ftit prattiku u nikkunsidra wkoll xi punti li semmew kollegi oħra waqt id-diskussjoni. Għaldaqstant is-sistema ta’ ortografija fil-kitba tiegħi se titbiddel xi ftit minn issa ’l quddiem biex tirrifletti aħjar dak li ntqal fis-seminar u li nassumi jista' jiġi propost f’Deċiżjonijiet 2.

(1) Il-kliem Ingliż inħallih bl-ortografija oriġinali fejn ma jkunx hemm l-affiss grammatikali Malti. Għaldaqstant nikteb kemm computer kif ukoll kompjuterizzat. Dan, fil-fehma tiegħi, se jneħħi d-dilemma bejn kliem missellef assimilat u dak li għad mhux. Għalkemm wieħed jista’ jġib l-argument li xorta hemm inkonsistenza bejn kliem tal-istess nisel, nemmen li r-regola grammatikali tiġġustifika din id-differenza aktar, u hija inqas arbitrarja.

(2) Dan iwassal għall-kwistjoni tal-preżentazzjoni tal-kliem missellef. Jien minn dejjem għażilt li nuża l-kursiv għal ħafna raġunijiet. Il-virgoletti, kemm singli kif ukoll doppji, joħolqu wisq aktar problemi u mhumiex daqshekk prattiċi. Teknikament qed jaħlu aktar ħin lill-kittieb biex jikteb (anki jekk bi ftit sekondi). Barra minn hekk meta jkollok nested quotes il-biċċa tikkumplika ruħha aktar.

Mill-banda l-oħra, għalkemm il-kursiv issa sar kumdità fid-dokumenti elettroniċi, f’manuskritti bħall-karti tal-eżamijiet huwa impossibbli. Anki fl-istampar u fid-dokumenti elettroniċi jistgħu jinqalgħu diskrepanzi meta l-kursiv ikun użat għall-enfasi. Dan l-effett jista’ jintilef qalb ruxxmata ta’ kliem missellef li huwa ppreżentat bil-kursiv ukoll.

Fl-aħħar mill-aħħar iddeċidejt li l-aħjar soluzzjoni f’dan il-każ tkun li l-kelma misselfa ma tiġi mmarkata xejn. Din id-deċiżjoni teħles mid-dilemmi kollha li semmejt hawn fuq. Raġuni oħra għalfejn nagħżel dan hija li, anki jekk wieħed jiddeċiedi li nibdew nimmarkaw il-kliem missellef bil-kursiv, qalbi tgħidli li maż-żmien din il-prattika tibda tintilef.

Is-sitwazzjoni hija kkumplikata, u nifhem sew kemm huwa diffiċli li tieħu deċiżjoni. Kull pass li wieħed jieħu rigward punt partikolari żgur se jolqot u jaffettwa punt ieħor, u jekk nibqgħu sejrin hekk nirriskjaw li ma naslu mkien. Fl-opinjoni tiegħi il-passi li semmejt hawn fuq jistgħu jeħilsu lil kull min hu kkunċernat rigward ambigwitajiet u dilemmi.

Fil-qosor, l-istil ta’ kitba tiegħi se jkun dan:

  1. Ortografija Ingliża għall-kliem mhux milqut minn affissi grammatikali (eż. computer, mhux kompjuter), anki għal kliem diġà assimilat u aċċettat.
  2. Ortografija Maltija għall-kliem milqut minn affissi grammatikali (eż. kompjuterizzat).
  3. Il-kliem missellef ma jiġi mmarkat bl-ebda mod.

Madankollu, jien dejjem lest li nirrispetta d-deċiżjoni aħħarija tal-Kunsill.

MAL1048 u l-ECDL

Xi wħud staqsewni rigward il-livell tal-ħiliet li qed inkopru fil-lezzjonijiet tal-Għodod Elettroniċi fil-kors tal-qari tal-provi u jekk dawn il-ħiliet jagħmlux parti mis-sillabu tal-ECDL (European Computer Driving Licence).

Għal min mhux midħla tiegħu l-ECDL (www.ecdl.com.mt) ikopri l-aktar ħiliet importanti li wieħed għandu bżonn biex iħaddem kompjuter f’uffiċċju. Hemm żewġ sillabi tal-ECDL: il-core modules huma sebgħa u jkopru l-affarijiet l-aktar bażiċi dwar terminoloġija u sfond bażiku, maniġġar ta’ fajls, wordprocessing (Word), spreadsheets (Excel), databases (Access) u presentations (PowerPoint) u l-użu tal-Internet. Biex ikollok ċertifikat bażiku tal-ECDL trid tkun għaddejt minn kull module. Umbagħad hemm il-modules avvanzati, li huma erbgħa u li jkopru l-wordprocessing, spreadsheets, databases u presentations. Dawn tista’ tagħmilhom separati u tieħu ċertifikat separat għal kull wieħed li tgħaddi minnu. Illum il-ġurnata l-eżamijiet tal-ECDL huma kollha awtomatizzati. Bħalissa s-sillabu tal-core modules huwa fil-ħames verżjoni fil-waqt li l-avvanzat huwa fit-tieni verżjoni. L-eżamijiet huma bbażati fuq l-Office 2010.

Xi aspetti li nkopri fil-kors tal-qari tal-provi jagħmlu parti mil-livell bażiku (Core), waqt li oħrajn jinsabu fil-livell avvanzat.

Hawn taħt tista’ ssib lista tal-aspetti kollha kopruti fil-lezzjonijiet tagħna u l-livell ECDL li jinsabu fih. Naturalment m’iniex qed ninkludi l-ħiliet bażiċi bħal dħul ta’ kliem u sentenzi f’dokument, maniġġjar ta’ fonts u taħżin ta’ dokumenti, li jinsabu kollha fil-livell bażiku. In-numri jirreferu għas-sezzjonijiet kif jinsabu fis-sillabu kkonċernat (Core jew AM3, li hija l-module avvanzata tal-Word).

Illoggjar f’kompjuter permezz ta’ User ID (Core 2.1.1.1)

Issettjar tal-lingwa fl-operating system (Core 2.1.2.3)

Użu tan-NotePad (Core 2.2.3.2)

Issettjar tal-lingwa fil-Word (mhix inkluża)

Użu tal-Find & Replace bażiku (tibdil ta’ kliem u ittri) (Core 3.2.2.5)

Użu tal-Find & Replace avvanzat (tibdil ta’ simboli u formati) (AM3 1.1.2)

Użu tal-AutoCorrect u l-AutoFormat (AM3 3.5.1)

Użu tat-Track Changes u kummenti (AM3 3.5.2)

Ħolqien u użu ta’ macros (AM3 3.5.4-5)

L-użu ta’ Track Changes (AM3 4.1.1)

Aċċetta jew iċħad tibdiliet (AM3 4.1.2)

Ħolqien ta’ kummenti  (AM3 4.1.3)

Naturalment mhuwiex l-iskop tal-lezzjonijiet tagħna li jkopru l-ECDL, li fih ħafna aktar ħiliet kemm fil-Word kif ukoll fil-programmi l-oħra li l-kors ma jkoprix. Min huwa interessat fl-ECDL nissuġġerilu jżur is-sit elettroniku tal-ECDL Malta (www.ecdl.com.mt). Aktar tagħrif jinsab ukoll fis-sit uffiċjali tal-European Computer Driving Licence Foundation (www.ecdl.com).

Grazzi lill-ewwel ħames reġistranti!

Nixtieq nirringrazzja lill-ewwel ħamsa min-nies li rreġistraw għal dan il-blogg.

Bħalma kont wegħidt, nixtieq nibagħtilkom kopja tal-ktieb elettroniku tiegħi “Kif Toħloq eBook bil-Malti”. Dawn il-ħames reġistranti huma:

Joe Mizzi

Mary Rose Vella Haber

Victoria Cassar

Grazio Barbara

Steven Borg

Billi l-ktieb huwa f’format PDF, tkunu tistgħu tirċevuh direttament permezz tal-posta elettronika. Ibagħtuli posta elettronika fl-indirizz t’ hawn taħt biex inkun nista’ nibagħtilkom il-ktieb.

normancborg@gmail.com

Għala dan il-blog?

Għall-erwieħ! Biċċa xogħol lesta. Ilek ħafna taħdem fuq dan id-dokument. Dortu fuq li dortu, u issa ċert mija fil-mija li huwa perfett. U fil-ħin ukoll! Kont wegħidt lill-klijent tiegħek li kellek tlestih sal-aħħar tax-xahar - u għada l-aħħar tax-xahar.

Mela, ħa nixegħlu l-laptop, intellgħu l-Word, u nagħtuh l-aħħar titwila għall-ġurament, qabel ma nibagħtuh lill-klijent bil-posta elettronika...

Il-Word tela’ sew... il-fajl qiegħed f’postu... nikklikkja fuqu...

Haw’ x’ġara? Id-dokument jidher f’postu, imma t-track changes fejn marru? Imma jiena ċert li kont għamilthom... naf bi żgur li kont għamilt saħansitra xi kummenti dwar xi frażijiet li dehruli strambi...

Tipprova tikkonvinċi ruħek li għadu ma wasalx il-mument li tippanikkja. Tipprova tiftakar x’kienu l-aħħar passi li għamilt. Tidħol fl-għażliet tat-Track Changes, biex tara biddiltx xi setting bi żball. Tipprova tiftakar x’kien semmielek dak l-imbierek waqt il-lezzjonijiet tal-kompjuter fil-kors tal-Qari tal-Provi – x’tista’ tagħmel f’din is-sitwazzjoni...

Għandek xi suspetti, imma għadek ma sibtx x’hemm ħażin. Bil-mod il-mod tibda tħoss il-fawra tiela’ għal rasek. Le, Ġuż, stenna ftit ieħor... tippanikkjax għalissa... (għalkemm forsi f’dan il-waqt tibda – skont il-karattru jew l-atteġġament tiegħek – jew tinvoka lill-qaddisin jew tibagħthom jixxejru.)

U fl-aħħar f’moħħok issa qed tibda tberren l-idea li forsi tlift ix-xogħol kollu u jkollok terġa’ tibda mill-bidu... Issa? B’inqas minn ġurnata qabel id-data tal-għeluq...?

Orrajt, Ġuż, tista’ tibda tippanikkja...!

Ma nafx kemm minnkom għaddew minn xi sitwazzjoni simili, imqar b’xi operazzjoni oħra fuq il-kompjuter jew il-laptop: xi taqliba ta’ fonts fid-dokument; stili ssettjati tajjeb ġurnata imma mħarbtin għal kollox l-għada; żball li għamilt bil-Find & Replace u li ma tistax treġġgħu lura; insomma, il-kompjuter biss għandu immaġinazzjoni tant fertili li jiġik bi problemi li qatt f’mitt sena ma tobsor li jistgħu jinqalgħu (jew forsi jiġi bihom għax m’għandux immaġinazzjoni?). Qisu bħallikieku hemm xi xitan żgħir jgħix qalb dawk iċ-ċippijiet u mikroċippijiet, il-ħin kollu ppreparat biex iħassarlek dak li tkun qed tagħmel.

[Għal dan il-blog iddeċidejt li nsejjaħlu Xitaninu (il-kelma gremlin għandi l-impressjoni li diġà użaha xi ħaddieħor, u nibża’ li jfittxuni għad-drittijiet tal-awtur). Niggarantilkom li se nerġgħu niltaqgħu miegħu.]

Dan il-blog jieħu spunt mill-kors dwar l-użu tal-għodod elettroniċi fil-qari tal-provi bil-Malti, kors imniedi mid-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Għaldaqstant jiena nittama li jinteressa lil dawk li huma – jew li darba kienu – studenti tal-kors, u li bħala qarrejja tal-provi qegħdin jagħmlu użu sħiħ ta’ dawn l-għodod fix-xogħol tagħhom. Naturalment, bħal kull ħaġ’ oħra elettronika jew mekkanika, mhux kollox dejjem jimxi ħarir, u jiena ċert li tistgħu tiltaqgħu ma’ problemi li nittama ssibu s-soluzzjoni tagħhom hawnhekk.

Madankollu nixtieq li dan il-blog iservi wkoll bħala għajn ta’ diskussjoni rigward it-teknoloġija in ġenerali, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-Malti. L-islien Malti għaddej minn ħafna tibdiliet interessanti – forsi f’xi każijiet ftit kontroversjali wkoll. Sadattant it-teknoloġija stess għaddejja minn tibdil rivoluzzjonarju li jaqtagħlek nifsek bil-pass mgħaġġel tiegħu. Għalhekk aħna li nagħmlu użu kemm mill-ilsien kif ukoll mit-teknoloġija ninsabu l-ħin kollu fil-qalba ta’ ċaqliq kontinwu taħt saqajna. Wasalt biex tħossok komdu tuża l-Word 2010, u bdejt tapprezza l-preġji tal-Windows 7? B’daqshekk? Arahom ġejjin l-Office 365/2013 u l-Windows 8! Erġ’ ibda tgħallem mill-bidu...

Naturalment dan ma jgħoddx għal kulħadd, u m’għandekx taħseb li biex taħdem sew trid bilfors taġġorna l-programmi u l-kompjuter li għandek. Fil-fatt, għalkemm forsi wieħed ma jemminx, saħansitra anki l-Windows 98 u l-Office ta’ żmienu huma biżżejjed biex il-qarrej tal-provi jsib dak kollu li għandu bżonn biex jagħmel xogħlu (iva, anki l-fonts bil-Unicode). Imma l-ħajja teknoloġika mgħaġġla u ma tistenna ’l ħadd, u xi kultant ikollna bħal ħmir nimxu bil-pass li tiddettalna (jew aħjar li jiddettawlna l-kumpaniji l-kbar).

Għal ħafna snin darrejt lili nnifsi nikteb djarju ta’ kull kompjuter jew laptop li naħdem fuqu, speċjalment dawk li nkun xtrajt ġodda fjamanti jew li noqgħod nesperimenta bihom billi naqilbilhom l-operating systems jew inżidilhom jew innaqqsilhom il-hardware minn ġewwa jew minn barra. Għalhekk nikteb id-dati meta ninstalla xi programm ġdid, xi hard disk żejda jew inqabbad xi printer ġdid. Nikteb dettalji dwar kif jaħdem l-oġġett u kummenti speċjalment meta niltaqa’ ma’ xi problema u s-soluzzjoni tagħha. Għaldaqstant mhix problema kbira għalija li nikteb djarju dwar l-esperjenzi tiegħi fejn għandu x’jaqsam l-użu ta’ programmi tal-word processing (WP), desktop publishing (DTP), optical character recognition (OCR) u għodod oħra li jistgħu jgħinuni fl-ipproċessar ta’ dokument – affarijiet li llum jew għada se niġi bżonn bħala qarrej tal-provi. Għalhekk dan il-blog.

[M’iniex xi fanatiku tal-akronimi, imma ammetti: ma tħossokx ftit aktar professjonista meta tibda tfajjarhom bl-addoċċ...?]

Ma nistax inwiegħed li hawnhekk nistgħu insibu soluzzjoni għal kull problema li tista’ tinqalagħlek, imma se nippruvaw, imqar billi npartu xi ftit mill-ideat u mill-esperjenzi tagħna fil-qari tal-provi, speċjalment bl-użu tal-kompjuter u b’dak kollu li hu digitally cool illum. Għaldaqstant kull kumment f’dan il-każ merħba bih.

Se nkun qed nagħmilha ta’ moderatur għall-kummenti tagħkom, għalhekk tistennewx li l-posti li tibagħtu se jidhru mall-ewwel u awtomatikament. Dan mhux għax irrid niċċensura dak li tgħidu jew għax ma nkunx qed naqbel miegħu, imma għax nixtieq li fil-blog tidher biss posta li għandha x’taqsam mat-teknoloġija, għodod elettroniċi tal-kitba u tal-pubblikazzjoni, kif ukoll naturalment kitba u qari tal-provi ta’ dokumenti - kollu marbut mal-Malti u l-iżvilupp tal-lingwa. Nitlob lill-qarrejja ma jidħlux f’argumenti oħrajn. Fejn ikun hemm problemi strettament ortografiċi u lingwistiċi, għal dak hemm il-Grupp tal-Google tal-Qari tal-Provi, li huwa eċċellenti fih innifsu u li ma nixtieq bl-ebda mod nisraq il-funzjoni tiegħu.

Kif tistgħu taraw fuq il-lemin għandkom lista ta’ kategoriji biex tkunu tistgħu taċċessaw malajr posta ddedikata għal dak is-suġġett jew argument partikolari. Din il-lista se titwal maż-żmien. Jekk tkunu tridu tiddiskutu xi kategorija partikolari li mhix fil-lista tistgħu tibagħtu kumment ma’ waħda mill-posti separati. Jekk nara li jkun hemm xewqa ġenerali għal dan is-suġġett jew jidhirli li jixraqlu li nżiduh indaħħlu f’kategorija għalih.

Ma nistax inwiegħed li nżid posti regolari f’dan il-blog minħabba impenji oħra. Jekk tkun trid li tiġi mgħarraf meta nżid xi posta jew isir xi kumment dwar waħda mill-kategoriji, inżel taħt nett ta’ din il-posta u kklikkja l-ħolqa No comments. Se titfaċċa l-kaxxa fejn tista’ tittajpja l-kumment tiegħek. Għalissa tista’ jekk trid ma tikkummenta xejn, iżda kklikkja l-ħolqa Subscribe by email. Min issa ’l quddiem tibda tirċievi messaġġ fl-indirizz elettroniku tiegħek kull meta titfaċċa posta ġdida.

U l-aħħar ħaġa: dan il-blog jinvolvi qarrejja tal-provi – mela jekk issibu xi żball ortografiku jew tal-pinna (virtwali), ibagħtu għiduli – m’iniex se niddejjaq!

Nittama li dan il-blog issibuh ta’ interess, għajnuna u ispirazzjoni.