Il-kumpanija Maltija Vioside (www.vioside.com) ippubblikat app għal
tastiera virtwali tal-Malti għall-iPad u l-iPhone. Din tista’ sservi biex
tibgħat ittrejiet – u anki toħloq dokumenti twal – bl-ittri Maltin – ħaġa li sa
ftit ilu ma kinitx possibbli. Bħala app taħdem l-istess bħall-app tal-Android
li kont tkellimt dwarha ftit żmien ilu.
L-app jisimha sempliċement Malti,
u tiswa inqas minn ewro. Bħal kull app oħra fuq l-iPad, tista’ tniżżilha
faċilment mill-App Store. Jiena ppruvajtha fuq iPad 3, imma nimmaġina li
għandha taħdem tajjeb ukoll fuq l-iPhone.
Ladarba tkun installajt l-app, il-proċedura
kif tużaha hija faċli ħafna. Meta tkun trid toħloq dokument bil-Malti, minflok
tmur fuq l-app li għandek bżonn – ngħidu aħna l-Pages, il-Mail, jew
saħansitra xi kumment fuq Facebook – mur l-ewwel f’din l-app. Se tiftaħ f’paġna
vojta, daqslikieku qiegħed tuża wordprocessor
normali. Fuq il-parti t’isfel għandek it-tastiera virtwali. Il-konsonanti tal-Malti
jinsabu għalihom f’filliera fuqnett tat-tastiera.
Ittajpja t-test normali. Għall-konsonanti
Maltin żomm subgħajk ’l isfel fuq it-tast biex iġġib l-ittra kapitali. Malli
tlesti, ittappja l-kelma Kopja. Din
tpoġġilek dak kollu li tkun ittajpjajt fil-memorja.
Issa iftaħ l-app l-oħra li trid, poġġi l-cursor fejn għandek bżonn iddaħħal
it-test, żomm subgħajk mal-iskrin u stenna sakemm jidhru l-buttuni s-suwed
tal-għażliet. Agħżel Paste u t-test
se jidħol fl-app.
Kif wieħed jista’ jinnota, il-vokali aċċentati
ma jidhrux fuq it-tastiera. Dan għaliex wieħed jista’ jaċċessahom mit-tast
tal-vokali mingħajr aċċent – żomm subgħajk fuq il-vokali sakemm jidhru
l-għażliet, u agħżel l-aċċent li għandek bżonn.
L-app hija sempliċi ħafna, mingħajr ebda
frilli imma prattika. S’issa ħadmet ma’ kull app li ppruvajt.

No comments:
Post a Comment