Illum
il-ġurnata kulħadd jaf bil-format PDF (Portable File Format) maħluq mid-ditta
Adobe fil-bidu tad-disgħinijiet u li llum sar prattikament l-istandard li
permezz tiegħu wieħed jista’ jgħaddi dokument minn computer għal ieħor u
saħansitra minn platform għal oħra mingħajr ebda telf ta’ informazzjoni jew
struttura fil-kontenut tad-dokument. L-aħħar ftit verżjonijiet tal-aktar
programmi popolari kollha, inkluż il-Microsoft Word, għandhom il-faċilità li taħżen
id-dokument li tkun ħloqt f’dan il-format barra mill-format nattiv
tal-programm.
Hemm
ħafna raġunijiet għala klijent jista’ jippreferi li jibgħatlek dokument
għall-qari tal-provi f’dan il-format: qiegħed jaħdem fuq platform oħra li hija
differenti minn tiegħek (eż. Linux jew iOS); qiegħed jaħdem bi programm
differenti minn dak li għandek installat int fuq il-computer tiegħek; jixtieq
li jkollu kontroll totali tal-kontenut tad-dokument.
Għaldaqstant m’għandekx
tirrifjuta li taħdem fuq dokument b’dan il-format, imma huwa importanti li
tifhem sew (u li tfiehem lill-klijent tiegħek sew) dan x’jinvolvi u x’inhuma
d-differenzi meta tagħmel qari tal-provi fuq dokument PDF minflok fuq wieħed
maħluq bil-Microsoft Word.
F’din
is-sensiela ta’ ħdax-il posta se nesploraw dawn id-differenzi, u se naraw ukoll kif,
bħala qarrej tal-provi, inti tkun tista’ tikkoreġi l-kontenut u żżid
il-kummenti jew suġġerimenti tiegħek fuq dokument PDF.
F’din
il-parti se nagħtu ħarsa ġenerali lejn il-format u x’għodod għandna bżonn biex
inkunu nistgħu naħdmu fuq dokument PDF.
L-Adobe
għandu żewġ programmi partikolari li jaħdmu fuq PDF - l-Acrobat Pro u l-Acrobat
Reader. Il-programmi l-oħra kollha tal-Adobe naturalment għandhom fihom
il-faċilità li taħżen ix-xogħol f’dan il-format ukoll, imma l-Acrobat huwa
l-programm li jikkonċentra fuq il-format tal-file innifsu, aktar milli fuq il-kontenut.
L-Acrobat Reader tista’ tniżżlu fuq il-computer tiegħek mingħajr ħlas, u
jagħtik il-faċilità li taqra dokument PDF mingħajr ma jkun hemm bżonn tinstalla
l-Acrobat Pro, li trid tħallas għalih u li huwa l-programm ewlieni biex toħloq dokument PDF.
L-aktar
verżjoni reċenti tal-qarrej hija l-Acrobat Reader XI (11). Madankollu, biex
l-Adobe ssegwi l-aħħar moda li jkollok il-programm u d-dokumenti maħżuna
fil-Cloud, l-aħħar inkarnazzjoni taż-żewġ programmi issa huma l-Acrobat Pro DC
u r-Reader DC (Document Cloud). Bħar-Reader 11, l-Acrobat Reader DC tista’
tniżżlu minn fuq l-Internet mingħajr ħlas. Hemm xi differenzi żgħar bejn
ir-Reader 11 u r-Reader DC, u dawn se narawhom aktar ’il quddiem.
Għall-qarrej
tal-provi u l-klijent tiegħu, madankollu, hemm punt aktar importanti li rridu
nqisu. Meta taħdem fuq dokument tal-Word (.doc/.docx) inti tkun fil-fatt
qiegħed taħdem fuq id-dokument ‘oriġinali’ (is-sors) li jkun fassal il-klijent.
Is-suġġerimenti, kummenti jew korrezzjonijiet li tkun qed tagħmel ikunu qed
isiru fuq is-sors innifsu. Malli l-klijent jirċievi d-dokument ippruvat, se
jara l-kummenti/korrezzjonijiet tiegħek u jaħdem fuqhom fuq id-dokument stess.
Dan mhux hekk b’dokument PDF.
Dokument
PDF huwa kopja ta’ dokument oriġinali li ġie mfassal fi programm ieħor - seta’
kien il-Word, l-OpenOffice Writer, il-Publisher, l-InDesign, eċċ. Għaldaqstant
meta l-qarrej tal-provi jdaħħal il-kummenti u l-korrezzjonijiet tiegħu fil-PDF,
ma jkunx qiegħed jaħdem direttament fuq is-sors. Dan ifisser aktar
xogħol għall-klijent, li jkollu jittrasferixxi manwalment il-bidliet tiegħek
mill-PDF li tkun bgħattlu lura għal fuq id-dokument oriġinali. Dan jinvolvi
pass żejjed fil-proċess, li naturalment jista’ jiftaħ possibiltajiet għal aktar
żbalji jekk wieħed ma joqgħodx attent.
Huwa
importanti ħafna bħala qarrej tal-provi li tiċċara dan lill-klijent. Jekk
il-klijent huwa kittieb professjonali li jaħdem ma’ pubblikatur, dawn il-punti
jkun diġà midħla tagħhom sew. Jekk il-klijent ikun individwu li jkun qed jitlob
ta’ darba, jista’ jkun li ma jkunx konxju ta’ dan.
Fit-taqsima
li jmiss se nħarsu lejn iż-żewġ verżjonijiet tar-Reader (Xi u DC) u naraw liema
huwa l-aktar wieħed prattiku għalik bħala qarrej tal-provi.
No comments:
Post a Comment