Fl-aħħar xhur tal-2014 ħarġet tastiera
virtwali oħra tal-Malti, maħluqa minn Keith Galdies (maltesekeyboard.tumblr.com), li taħdem
fuq l-apparati kollha li għandhom iOS 8.0. Issibuha fl-App Store bl-isem ta’ Maltese Keyboard.
Malli tinstalla, tintegra mal-operating system, u għaldaqstant taħdem
mal-programmi l-oħra kollha. Dan ifisser li ma jkollokx tittrasferixxi t-test
minn programm għal ieħor bħalma jiġri bit-tastiera l-oħra Malti (www.vioside.com). Kull meta jkollok bżonn
tittajpja xi ħaġa – kemm jekk fuq wordprocessor,
jew ittra elettronika, jew sempliċement tfakkira fuq l-EverNote – it-tastiera
titfaċċa f’qiegħ l-iskrin bħat-tastieri l-oħra.
Jekk tuża l-Malti ta’ spiss tista’ tqabbad
lill-iOS itellagħha awtomatikament. Tista’ taqleb minn tastiera għal oħra billi
tittappja fuq il-buttuna tal-globu [1].
Svantaġġ żgħir li sibt huwa l-fatt li biex
tagħmel spazju għall-ittri Maltin, li jinsabu biswit il-buttuni l-oħra
tal-ittri simili Ingliżi, issa m’għadhomx jidhru t-tasti tal-punteġġatura
(il-punt, il-virgola, il-punt interrogattiv u l-punt esklamattiv). Dawn issa
ssibhom fit-tieni ‘paġna’ billi tittappja l-buttuna 123 [2]. Mhix xi skumdità kbira, imma meta tkun qed tittajpja
mgħaġġel tista’ titlef il-fil tal-ħsieb sakemm taqleb minn paġna għal oħra
tat-tastiera, speċjalment billi l-punt u l-virgola jintużaw ta’ spiss.
No comments:
Post a Comment