Meta nittajpjaw bil-Malti fuq il-kompjuter
niġu bżonn ħafna drabi t-tast tal-‘minus’, li nużawh bħala s-sing ta’ bejn
l-artiklu u l-kelma. Fil-kors tal-Qari tal-Provi konna rajna kif nistgħu
nissettjaw il-Word b’tali mod li artiklu li jispiċċa f’tarf ta’ vers ma jibqax
waħdu, imma jinżel awtomatikament fil-vers ta’ wara mal-kelma. Bħalma nafu dan
jista’ jsir billi nużaw dak li jissejjaħ nonbreaking
hyphen li minflok jifred il-kliem iżommhom flimkien.
Iżda forsi ftit jafu li bħan-nonbreaking hyphen hemm ukoll in-nonbreaking space. Dan jintuża meta tkun
trid tħalli kliem flimkien imma mingħajr
sing jew hyphen bejniethom. Dan
wieħed jiġi bżonnu meta, ngħidu aħna, tkun trid iżżomm flimkien isem u kunjom.
Bħan-nonbreaking
hyphen, dan huwa simbolu speċjali li m’intix se ssibu kif ġieb u laħaq fuq
it-tastiera, u l-proċedua biex tużah hija l-istess bħal dik tan-nonbreaking hyphen. Hawnhekk se
nirreferi għall-Word 2010. Il-proċedura fit-2007 u t-2003 hija bejn wieħed u
ieħor l-istess.
Ittajpja l-isem u l-kunjom tal-persuna
bħas-soltu.
Agħżel (highlight) l-ispazju ta’ bejniethom. Dan
l-ispazju huwa wieħed normali. Kieku qiegħed f’tarf ta’ vers il-kunjom jinżel
fil-vers li jmiss, imma l-isem jibqa’ fuq. Qed nagħżlu l-ispazju għax irridu
nbiddluh f’nonbreaking space, u b’dan
il-mod malli ndeffsu s-simbolu speċjali se jieħu post awtomatikament l-ispazju
normali.
Mit-tabelli ta’ fuqnett agħżel Insert u sib il-buttuna Symbol fuq il-lemin taż-żigarella (dik
li għandha s-simbolu tal-omega).
Ikklikkja l-vleġġa ż-żgħira fuq il-lemin
tal-buttuna ħalli tniżżel il-pavaljun. Dan se jurik xi ftit simboli, imma n-nonbreaking space mhux se jidher fost
dawn. Ikklikkja minflok l-għażla More
Symbols.
Issa se tidher tieqa oħra fejn għandek għażla
kbira ta’ simboli. Ikklikkja t-tabella Special
Characters. In-nonbreaking space
huwa t-tmien wieħed fil-lista. Ikklikkja darba biex tagħżlu u Insert.
It-tieqa titlaq, u n-nonbreaking space issa ħa post l-ispazju li kellek qabel. Dan se
jidher l-istess bħal spazju normali, u m’intix se tinduna malajr li qiegħed
hemm. Madankollu, malli l-isem u l-kunjom jersqu lejn tarf il-vers, dawn se
jibqgħu flimkien u l-isem se jinżel awtomatikament mal-kunjom fil-vers li
jmiss.
Bħalma n-nonbreaking
hyphen nista’ nipprogrammah permezz tal-AutoCorrect, hekk ukoll nista’
nagħmel għan-nonbreaking space, imma
f’dan il-każ irrid noqgħod attent għax dan ma jkollix bżonn nużah fil-każijiet
kollha. Għalhekk l-aħjar ħaġa hija li tpoġġi nonbreaking space manwalment biss f’dawk il-każijiet fejn hemm
bżonnu.
No comments:
Post a Comment