L-ewwelnett nixtieq nifraħ u nirringrazzja lill-membri kollha tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u lil kull min qiegħed jgħin fix-xogħol siewi li qed isir għat-titjib tal-istandard tal-Malti miktub. Il-laqgħa tat-18 ta’ Ġunju kienet ilha mistennija b’ħerqa minn ħafna nies u nemmen li permezz tagħha għamilna pass kbir ’il quddiem.
Nixtieq niffoka l-kummenti tiegħi fuq il-kwistjoni tal-preżentazzjoni tal-kliem misluf mill-Ingliż.
- Naqbel mal-punt li kittieb jista’ jagħżel li kelma jiktibha bl-ortografija oriġinali Ingliża jew bl-ortografija Maltija.
- Naqbel mal-punt li m’għandux ikun hemm użu mħallat taż-żewġ ortografiji fl-istess kelma.
- Napprezza l-għażla li tingħata lill-kittieb biex jiddeċiedi liema sistema juża kif ukoll nagħraf ir-responsabbiltà tal-kittieb li jkun konsistenti fl-għażla tiegħu.
Għad mhuwiex ċar – għall-inqas f’għajnejja – x’jiddetermina kelma Ingliża ġietx assimilata jew le fil-Malti. Naturalment kliem bħal friġġ u futbol ilhom għexieren ta’ snin magħna u ma jistunawx fil-kitba għax forsi drajniehom. Imma teżisti xi linja preċiża li tiddetermina dan? Jekk friġġ u futbol iva, għaliex erkondixiner le (qed nuża dan il-kliem għall-argument biss)? Hemm kliem li daħal fil-lingwa reċentement meta mqabbel ma’ kliem ieħor. Liema kriterju jintuża biex niddeterminaw dan il-kliem ġiex assimilat jew le? Huwa mistenni minn kittieb, ġurnalist jew għalliem li jibqa’ aġġornat biex ikun jaf kliem li daħal fil-Malti ġiex ‘promoss’ bħala kliem assimilat? Qed nimmaġina li jkun hemm dizzjunarji li forsi jiddetermina dan, imma kemm-il sena tgħaddi bejn il-pubblikazzjoni ta’ dizzjunarju u ieħor?
Fil-kitba tiegħi kont nuża s-sistema tal-ortgorafija Maltija għal ċerti kliem, imma mbagħad meta kont inħoss li kelma tidher kemmxejn stramba kont inħalliha bl-ortografija Ingliża u nagħmilha bil-kursiv. Madankollu dejjem kont inħoss li d-deċiżjoni ta’ liema ortografija nuża kienet tkun arbitrarja, u mhux neċessarjament tagħmel sens lil kittieb ieħor jew lill-qarrejja. Barra minn hekk dejjem ħassejt ukoll li kien hemm inkonsisteza fit-trattament tiegħi tal-kliem barrani, biex ma nsemmix il-fatt li kien hemm inkonsistenza fil-kitba bl-użu ta' żewġ kriterji differenti.
Fid-dawl tal-laqgħa li kellna se nipprova nkun ftit prattiku u nikkunsidra wkoll xi punti li semmew kollegi oħra waqt id-diskussjoni. Għaldaqstant is-sistema ta’ ortografija fil-kitba tiegħi se titbiddel xi ftit minn issa ’l quddiem biex tirrifletti aħjar dak li ntqal fis-seminar u li nassumi jista' jiġi propost f’
Deċiżjonijiet 2.
(1) Il-kliem Ingliż inħallih bl-ortografija oriġinali fejn ma jkunx hemm l-affiss grammatikali Malti. Għaldaqstant nikteb kemm computer kif ukoll kompjuterizzat. Dan, fil-fehma tiegħi, se jneħħi d-dilemma bejn kliem missellef assimilat u dak li għad mhux. Għalkemm wieħed jista’ jġib l-argument li xorta hemm inkonsistenza bejn kliem tal-istess nisel, nemmen li r-regola grammatikali tiġġustifika din id-differenza aktar, u hija inqas arbitrarja.
(2) Dan iwassal għall-kwistjoni tal-preżentazzjoni tal-kliem missellef. Jien minn dejjem għażilt li nuża l-kursiv għal ħafna raġunijiet. Il-virgoletti, kemm singli kif ukoll doppji, joħolqu wisq aktar problemi u mhumiex daqshekk prattiċi. Teknikament qed jaħlu aktar ħin lill-kittieb biex jikteb (anki jekk bi ftit sekondi). Barra minn hekk meta jkollok nested quotes il-biċċa tikkumplika ruħha aktar.
Mill-banda l-oħra, għalkemm il-kursiv issa sar kumdità fid-dokumenti elettroniċi, f’manuskritti bħall-karti tal-eżamijiet huwa impossibbli. Anki fl-istampar u fid-dokumenti elettroniċi jistgħu jinqalgħu diskrepanzi meta l-kursiv ikun użat għall-enfasi. Dan l-effett jista’ jintilef qalb ruxxmata ta’ kliem missellef li huwa ppreżentat bil-kursiv ukoll.
Fl-aħħar mill-aħħar iddeċidejt li l-aħjar soluzzjoni f’dan il-każ tkun li l-kelma misselfa ma tiġi mmarkata xejn. Din id-deċiżjoni teħles mid-dilemmi kollha li semmejt hawn fuq. Raġuni oħra għalfejn nagħżel dan hija li, anki jekk wieħed jiddeċiedi li nibdew nimmarkaw il-kliem missellef bil-kursiv, qalbi tgħidli li maż-żmien din il-prattika tibda tintilef.
Is-sitwazzjoni hija kkumplikata, u nifhem sew kemm huwa diffiċli li tieħu deċiżjoni. Kull pass li wieħed jieħu rigward punt partikolari żgur se jolqot u jaffettwa punt ieħor, u jekk nibqgħu sejrin hekk nirriskjaw li ma naslu mkien. Fl-opinjoni tiegħi il-passi li semmejt hawn fuq jistgħu jeħilsu lil kull min hu kkunċernat rigward ambigwitajiet u dilemmi.
Fil-qosor, l-istil ta’ kitba tiegħi se jkun dan:
- Ortografija Ingliża għall-kliem mhux milqut minn affissi grammatikali (eż. computer, mhux kompjuter), anki għal kliem diġà assimilat u aċċettat.
- Ortografija Maltija għall-kliem milqut minn affissi grammatikali (eż. kompjuterizzat).
- Il-kliem missellef ma jiġi mmarkat bl-ebda mod.
Madankollu, jien dejjem lest li nirrispetta d-deċiżjoni aħħarija tal-Kunsill.