Jeżistu xi diskrepanzi bejn it-Track Changes
tal-Word 2007 u l-Word 2010. Mhumiex gravi ħafna, iżda jistgħu joħolqu xi
inkonvenjenzi – u forsi anki xi nuqqas ta’ ftehim bejn il-qarrej tal-provi u
l-klijent tiegħu.
Dan l-aħħar kont qieħed naħdem fuq dokument
ta’ klijent li ħadem id-dokument tiegħu fuq il-Word 2007. Jiena bħalissa qiegħed
naħdem bil-Word 2010. Meta għaddejtlu d-dokument lest, bagħat isaqsini fuq xi
tibdiliet fil-format tad-dokument, u li kienu mmarkati mit-Track Changes. Dawn
kienu tibdiliet li kellhom x’jaqsmu mas-superscript u s-subscript tat-test.
Dan ħawwadni ftit, għax kont ċert li f’dak
ix-xogħol ma kont irranġajt xejn li kellu x’jaqsam mas-superscripts. Tlabtlu
jibgħatli lura d-dokument biex nara x’kienet il-biċċa. Malli tellajtu fuq
il-kompjuter, ma rajt xejn ħażin – speċjalment ma rajtx dawk il-marki li
l-klijent kien ġibidli l-attenzjoni fuqhom.
Biss malajr ġieni s-suspett li l-Word b’xi
mod jew ieħor kellu x’jaħti. Saqsejt lill-klijent x’verżjoni tal-Word kien
qiegħed juża. Malli qalli li kienet il-Word 2007, qalbi għamlet tikk. Biex
nikkonferma, tellajt l-istess dokument li bagħatli fuq Word 2007, u fil-fatt
sibt il-marki tat-Track Changes li semmieli – marki li jien, fil-Word 2010, ma
kontx għamilt!
It-tagħlima minn din il-parabbola?
- Iċċekkja mal-klijent x’verżjoni qed tużaw għad-dokument.
- Idealment, bħala qarrej tal-provi professjonali, għandu jkollok mill-inqas żewġ verżjonijiet differenti tal-Word, jekk hu possibbli anki tlieta (eż. 2003, 2007, 2010). B’hekk inti tkun tista’ taqleb minn verżjoni għal oħra skont x’jagħtik il-klijent.
- Huwa importanti ħafna li lill-klijent tibgħatlu d-dokument lura fl-istess verżjoni li jkun bagħatlek hu, speċjalment jekk il-verżjoni tiegħu hija aktar antika minn dik li qed tuża int.
No comments:
Post a Comment