Min Jien

Professjoni


Bdejt ngħallem fl-1982, u qattajt erbatax-il sena fi skejjel primarji tal-gvern. Wara dan għamilt sitt snin assistent kap, dejjem fis-settur primarju.

Fl-2001, bħala uffiċjal edukattiv mad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, kont responsabbli għall-implimentazzjoni tal-ICT fl-iskejjel primarji u għat-taħriġ tal-għalliema f’dan is-settur.

Għalkemm dan ix-xogħol kien interessanti ħafna fejn għandha x’taqsam l-introduzzjoni tat-teknoloġija fil-klassi, fil-fehma tiegħi kien jinvolvi aktar amministrazzjoni milli innovazzjoni, u minn dejjem kelli l-impressjoni li l-burokrazija kienet qed ittaqqal wisq ir-ritmu tal-implimentazzjoni nnifisha, minkejja r-rieda tajba kollha ta’ min kien involut. Fl-2008 ddeċidejt li mmur lura fil-klassi – din id-darba f’ambjent kompletament differenti: it-tagħlim tal-Ingliż lill-barranin.

Iggradwajt fil-Baċċellerat tal-Edukazzjoni bl-Unuri fl-1982 u f’Baċċellerat tal-Arti fil-Malti u fl-Ingliż fl-1992, għaldaqstant żammejt kuntatt maż-żewġ fakultajiet għal ħafna żmien. Servejt bħala lettur mistieden fil-Fakultà tal-Edukazzjoni bejn l-1996 u l-2001, fejn tajt korsijiet dwar l-użu tat-teknoloġija fil-klassi kemm lil studenti tal-pedagoġija kif ukoll lil għalliema. Fl-2008 bdejt noffri l-lezzjonijiet dwar l-użu tat-teknoloġija fil-Malti għad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti: korsijiet li għadni sejjer bihom sa llum.

Interessi personali

Iż-żewġ interessi l-aktar għal qalbi sa minn żmien tfuliti kienu l-kitba u t-tpinġija, għalkemm qatt ma segwejt l-ebda waħda b’mod professjonali. Minn ċkuniti kont dejjem nipprova nżewweġ it-tnejn billi noħloq xi ħrafa, niktibha fuq pitazz u nillustraha kif stajt u kif kont naf. Minn dejjem kienet taffaxxinani l-portable typewriter li kellu missieri (mingħalija kienet tad-ditta Empire) u tlajt is-seba’ sema meta kien tagħni l-permess nibda nużaha (naħseb kelli xi għaxar snin). Għaldaqstant il-ħrejjef tiegħi ħadu spinta fil-preżentazzjoni tagħhom hekk kif qalbu minn pitazzi għal folji A4. Rigward il-kwalità tal-istejjer ma rridx nikkummenta.

F’dan iż-żmien kont nikteb esklussivament bl-Ingliż. Kont naqra ħafna Ingliż u l-programmi li kont insegwi l-aktar fuq ix-xandir Malti kienu bl-Ingliż (ġeneralment films u cartoons li b’xi mod jew ieħor kienu jinvolvu vetturi spazjali, aljeni u affarijiet oħra ta’ barra minn hawn). Naturalment kien hemm il-kanali Taljani, imma bħalma wieħed jista’ jimmaġina dawn żgur qatt ma għenu biex ikabbru l-interess tiegħi fil-Malti.

Kien fl-aħħar tas-sebgħinijiet, qabel ma dħalt l-Università, li bdejt ninteressa ruħi fl-ilsien Malti, tant li meta wasalt fl-istat li nikteb xi ħaġa li setgħet tiġi ppubblikata, għamilt dan bir-rivista Sagħtar f’moħħi, u għal xi snin ktibt sensiela ta’ stejjer qosra immirati għal tfal bejn id-disa’ u l-ħdax-il sena, u żewwaqthom b’xi ftit illustrazzjonijiet ukoll. Kien fil-bidu tax-xogħol tiegħi f’Sagħtar li billejt subgħajja fil-comics ukoll.

Fin-nofs tat-tmeninijiet nibet interess ieħor li, għandi nammetti, aljenani kemm xejn mill-interessi l-oħra. Kien iż-żmien meta bdew jitfaċċaw il-personal computers, kaxxi żgħar b’tastiera, skrin bil-kulur u cassette player imqabbda magħhom biex ittella’ l-programm (ftit inqas minn nofs siegħa biex ittella’ logħba). Kienu aktar ġugarelli milli għodda serji, imma l-proċess kien beda, u lili beda jaffaxxinani mall-ewwel.

Qatt ma kont xi entużjast kbir tal-logħob, u bħala għalliem frisk mimli entużjażmu, bdejt inħares lejn il-kompjuter bħala għodda potenzjali biex tħaffifli x-xogħol – b’mod amministrattiv, imma: l-interess fil-potenzjal pedagoġiku ġie ftit aktar tard meta l-iżvilupp tat-teknoloġija beda jagħti lok għal proġetti aktar ambizzjużi.

Li kellu sabiħ dan il-ġugarell kien il-possibiltà li nipprogrammah. Dan iż-żmien inqabblu maż-żmien bikri tal-karozzi u tal-ajruplani, meta wieħed entużjast kien jista’ jingħalaq f’garaxx u litteralment jibni karozza jew ajruplan. Naturalment ma kontx naf kif nibni kompjuter, imma bdejt nixtri ħafna rivisti li juruk kif tagħmel programmi qosra – u ntlift. L-ewwel programm li għamilt seta’ (oħroġ il-għaġeb!) jordnali l-ismijiet tat-tfal tal-klassi skont l-alfabett.

U bħalma ġara fl-industriji tal-karozzi u l-ajruplani, iż-żmien fejn wieħed seta’ jilgħab bi ftit programmar u joħloq programmi żgħar bħala entużjasta spiċċaw ukoll. Illum il-ġurnata tant hemm kumplikazzjonijiet u kummerċjaliżmu li ħonoq l-entużjażmu kollu tal-individwu u għamel mit-teknoloġija mostru mmexxi minn erba’ kooperattivi internazzjonali tgħoddhom fuq swaba’ ta’ id waħda.

Madankollu l-interess fl-użu ta’ kompjuters u apparat elettroniku ieħor baqa’, tant li ttraskurajt għal ħafna żmien l-interessi l-oħra. Dan l-aħħar erġajt qed nipprova ngħaqqad kollox f’salt, speċjalment permezz tal-produzzjoni ta’ siti elettroniċi, blogs u kotba elettroniċi.

Xogħli

Pubblikazzjonijiet għat-tfal

Oriġinali

·         Il-Ħofra tal-Ilwien (MUT, 1988)

·         L-Astrofittiexa (MUT, 1989)

·         It-Torri l-Griż (MUT, 1992)

·         Mollamolla (Tużżana, Merlin Publications, 1998)

·         Ara Ġejja ż-Żunżana Għalik! (MUT, 1999)

·         Żarbun Isaħħar (Lulu.com, 2012)

Adattamenti

·         Is-Saħħar ta’ Oż – L. Frank Baum (MUT, 1994)

·         Ġejjin il-Kaċċaturi! (MUT, 1996)

·         L-Isfida tal-Barri (MUT, 1996)

·         Is-Siġra taż-Żraben (MUT, 1996)

·         Fredu Frakass – Ernest Laurence (MUT, 1997)

·         Il-Ħtif tar-Re Żamuża – Korky Paul (MUT, 1997)

·         Il-Prinċep il-Kuntent – Oscar Wilde (MUT, 1997)

·         Il-Ġgant l-Egoist – Oscar Wilde (MUT, 1997)

Comics

·         Il-Gladjaturi tal-Ispazju (Avventura, 1981)

·         Tfal Imqarba (Il-Komik, 1983)

·         Is-Samaritan it-Tajjeb (MUT, 1983)

·         Il-Fenek u l-Fekruna (MUT, 1983)

·         L-Imħatra (MUT, 1983)

·         Il-Volpi u l-Għarnuq (MUT, 1984)

·         In-Nemla u l-Ġurat (MUT, 1984)

·         Ġolġol għall-Qattus (MUT, 1984)

·         Ġej il-lupu! (MUT, 1984)

·         Il-Ġurdien tal-Għelieqi u l-Ġurdien tal-Belt (MUT, 1984)

Essejs akkademiċi

·         Just Granda and Me in the Year One Classes (Education 2000, UoM, 1997)

·         Creatuing Multimedia Presentations with Kid Pix Studio (Education 2000, UoM, 1997)

·         Creating Customised Readers with Print Shop Ensemble III (Education 2000, UoM, 1998)

·         Record Keeping and Assessment of ICT Activities (Education 2000, UoM, 1998)

·         An Effective Approach to the Use of Computer Software in Pedagogy – A Practical Example (Education 2000, UoM, 1999)

·         Policies: Why Computers in the Classroom? (ComputerWise, Ministeru tal-Edikazzjoni, 1999)

·         Maltese Fonts and Kid Pix (Education 2000, UoM, 1999)

·         Automated Flashcards with Print Shop Ensemble III (Education 2000, UoM, 2000)

·         Using PowerPoint in the Whole-Class Approach (Education 2000, UoM, 2000)

·         Film Shows and Primary Education (Education 2000, UoM, 2001)

·         Constructivust Elements in Primary Level Software (Constructivist Teaching in Primary School, ed. Suzanne Gatt u Yosanne Vella, Agenda, 2003)

·         ICT Level Descriptors in the Primary (ComputerWise, Ministeru tal-Edukazzjoni, 2004)

·         Striving Towards ICT Invisibility (ComputerWise, Ministeru tal-Edukazzjoni, 2005)

·         Cyberhunts: Searching the Internet (ComputerWise, Ministeru tal-Edukazzjoni, 2005)

·         Cyberhunts: Directed Cyberhunts (ComputerWise, Ministeru tal-Edukazzjoni, 2005)

·         Cyberhunts: Discovery Cyberhunts (ComputerWise, Ministeru tal-Edukazzjoni, 2006)

Midja elettronika

Kotba elettroniċi

·         Żarbun Imsaħħar (Lulu.com, 2012): http://www.lulu.com/shop/norman-c-borg/żarbun-imsaħħar/ebook/product-18962875.html


·         Kif Toħloq eBook bil-Malti (Lulu.com, 2012): http://www.lulu.com/shop/norman-c-borg/kif-toħloq-ebook-bil-malti/ebook/product-20203035.html

Siti elettroniċi edukattivi għat-tfal

·         Iż-Żmien Preistoriku: http://skola.gov.mt/primarythemes/preistorja/ (2002)

·         Vertebrates: http://schoolnet.gov.mt/vertebrates/ (2002)

·         Ġamri l-Qamri Goes to the Moon: http://schoolnet.gov.mt/gamri/ (2002)

·         Il-Kaxxa ta’ Dinu: http://schoolnet.gov.mt/dinu/ (2003)

·         L-Innu Malti: http://schoolnet.gov.mt/innumalti/ (2004)

Siti elettroniċi edukattivi għall-għalliema

·         ICT Primary Initiatives: http://schoolnet.gov.mt/ictprimary/supportinitiatives/ (2005)

·         ICT 4 Teachers: http://www.normancborg.net/tefl/ict4teachers/ (2011)

Siti elettroniċi akkademiċi

·         Għodod Elettroniċi għall-Qari tal-Provi: http://www.normancborg.net/ghodmal/1048materjal.html (2009)

·         Għodod Bażiċi għar-Riċerka: http://www.normancborg.net/ghodmal/1010materjal.html (2009)

·         Għodod Avvanzati għar-Riċerka: http://www.normancborg.net/ghodmal/3010materjal.html (2009)

Siti personali

·         ICT Primary: http://www.normancborg.net/ictprimary/ (2000)

·         Kotba fil-But: http://www.normancborg.net/kotbafilbut/ (2012)

Blogs

·         ICT 4 TEFL: http://ictfortefl.blogspot.com/ (2011)

·         eBooks bil-Malti: http://ebooksbilmalti.blogspot.com/ (2012)

·         Għodod Elettroniċi għall-Malti:  http://www.ghodmal.blogspot.com/ (2013)

·         Norman's homework (TEFL):  http://normanshomework.blogspot.com.mt/ (2016)

YouTube

·         TEFL u Għodod Elettroniċi għall-Malti: http://www.youtube.com/user/ict4teachersvideos (2011)

Facebook

·         Kotba fil-But: http://www.facebook.com/kotbafilbut?ref=hl (2012)

Kuntatti

·         Facebook: http://www.facebook.com/norman.c.borg