Monday, November 28, 2016

Qari tal-provi ta’ dokumenti PDF
8: Biddel id-dehra tal-Markups fir-Reader DC


Bħalma rajna, il-markups li jidhru fuq paġna ta' dokument PDF fl-Acrobat Reader DC għandhom kuluri differenti biex wieħed ikun jista' jiddistingwi malajr in-natura ta' dak il-markup.

Jista' jkun li tkun trid tbiddel dawn skont sistema personali li jkollok, jew għal xi raġuni oħra.

Hemm metodi varji ta' kif wieħed jista' jagħmel dan. L-aktar wieħed dritt huwa li tikklikkja bil-lemin fuq il-markup u tagħżel Properties.



L-għażliet mhumiex ħafna imma nistgħu nbiddlu l-kulur tal-markup billi nikklikkjaw fuq il-kulur u nagħżlu kulur ieħor mill-paletta li tinżel.



Metodu ieħor jagħtik il-faċilità li taqbeż minn tip ta' markup għal ieħor aktar malajr.

Mur fuq Menu > View > Show/Hide > Toolbar Items > Show Properties Bar



Din tiftaħlek kaxxa żgħira taħt it-Toolbars u turik il-properties kollha ta' dik il-markup li tkun qed taħdem fuqha.



Jekk umbagħad tikklikkja l-buttuna More, terġa' titla' t-tieqa tal-Properties. Minn hawn tista' tiddeċiedi li tħalli l-bidliet permanenti billi tittikkja l-għażla Make Properties Default.



Fil-parti li jmiss rigward il-qari tal-provi ta' dokumenti PDF se nibdew niddiskutu dawn il-faċilitajiet skont il-verżjoni Acrobat Reader XI (11).


Monday, November 21, 2016

Qari tal-provi ta’ dokumenti PDF
7: Ħassar tibdiliet li jkunu saru bir-Reader DC

Waqt li tkujn qed taħdem fuq dokument bl-Acrobat Reader DC jista’ jkun li jkollok bżonn treġġa’ lura xi tibdila li tkun għamilt. Huwa faċli ħafna li tħassar tibdila, u fil-fatt hemm aktar minn mezz wieħed biex tagħmel dan.

L-ewwelnett hemm il-panel fuq il-lemin tal-paġna, fejn għandek imniżżlin it-tibdiliet kollha li tkun daħħalt. Biex tħassar tibdila li tkun għamilt, sempliċement ikklikkja fuqha bil-lemin. Osserva li anki fit-test, il-marka ta’ dik it-tibdila tidher f’kaxxa b’linja miksura madwarha.

Mill-għażliet li jkun hemm ikklikkja Delete. In-nota ta’ dik it-tibdila titlaq mil-lista, u magħha jmorru wkoll il-marki li tkun żidt fit-test.


Mod ieħor kif telimina kumment jew tibdila hija billi tikklikkja bil-lemin fuq il-marka stess fil-paġna. Mill-għażliet li jinżlu agħżel Delete.


Fil-parti li jmiss se naraw kif inkunu nistgħu nibdlu d-dehra tal-marki fid-dokument.

Monday, November 14, 2016

Qari tal-provi ta’ dokumenti PDF
6: Żid test f’dokument bir-Reader DC

Jista’ jkun hemm il-każ li jkollok bżonn iżżid test fid-dokument. Għal dan il-għan hemm buttuna partokulari fir-Reader DC, Insert Text at cursor.


Tella’ d-dokument li trid taħdem fuqu fir-Reader DC.

Jekk il-faxxa ta’ buttuni tal-Comment ma tidhirx, iftaħha.

Poġġi l-cursor fejn trid iddaħħal it-test il-ġdid. Mill-faxxa tal-Comment, ikklikkja l-buttuna Insert Text at Cursor. Se tiftaħ kaxxa fejn tkun tista’ tittajpja t-text il-ġdid.

Bħas-soltu, tista’ tara t-test malli tgħaddi l-cursor fuq il-marka (it-trijanglu) li jidher fil-post fejn se ddaħħal it-test, kif ukoll fil-lista ta’ kummenti fuq il-lemin tal-paġna.


B’din il-funzjoni tista’ tgħid li koprejna prattikament kull għodda li għandek bżonn fl-Acrobat Reader DC biex tagħmel qari tal-provi sewwa. Kif rajna, kull funzjoni li nużaw bit-Track Changes u l-Comments fil-Microsoft Word stajna nirrepetuha hawn.


Hemm aktar xi ngħidu dwar l-Acrobat Reader DC: per eżempju kif inneħħu tibdiliet li nkunu għamilna u anki d-dehra tal-buttuni fuq l-iscreen u l-immarkar tat-tibdiliet. Fil-parti li jmiss se nħarsu lejn kif inneħħu tibdiliet li jkunu diġà saru. 

Monday, November 7, 2016

Qari tal-provi ta’ dokumenti PDF
5: Ħassar test fir-Reader DC

Irridu niftakru li billi l-Acrobat Reader DC ma jaħdimx bħall-Microsoft Word, jekk ikun hemm xi test li hemm bżonn jitħassar, ma nistgħux sempliċement nagħżluh u nagħfsu t-tast Delete.

Li nistgħu nagħmlu huwa li ningassaw it-test li rridu jitlaq, biex wara l-klijent ikun jista' jħassru minn fuq is-sors oriġinali tad-dokument.

Dan huwa sempliċi ħafna, u nistgħu nagħmluh permezz tal-buttuna Strikethrough Text.



Tella' d-dokument li trid taħdem fuqu fir-Reader DC.

Jekk il-faxxa ta' buttuni tal-Comment ma tidhirx, iftaħha.

Ikklikkja darbtejn malajr fuq kelma biex tagħżilha.

Ikklikkja fuq il-buttuna Strikethrough Text (ir-raba' waħda mix-xellug fil-faxxa tal-Comment). Linja ħamra issa tidher fuq il-kelma.



Naturalment tista' tagħżel ittra waħda, frażi, sentenza jew paragrafu sħiħ bl-istess għan.

Tajjeb li wieħed josserva wkoll li jekk nikklikkjaw bil-lemin fuq il-kelma ngassata, għandna wkoll l-għażla Open Pop-Up Note. Hawnhekk inkun nista' nżid xi kumment jew ġustifikazzjoni għaliex dik il-parti għandha titħassar mid-dokument.

Din it-tibdila, bħall-oħrajn kollha, se tidher ukoll fil-lista tal-kummenti fuq il-lemin tal-paġna.

Fit-taqsima li jmiss se naraw kif inkun nista' nissuġġerixxi lill-klijent idaħħal test ġdid fid-dokument.