Monday, October 10, 2016

Qari tal-provi ta’ dokumenti PDF
1: Tagħrif bażiku

Illum il-ġurnata kulħadd jaf bil-format PDF (Portable File Format) maħluq mid-ditta Adobe fil-bidu tad-disgħinijiet u li llum sar prattikament l-istandard li permezz tiegħu wieħed jista’ jgħaddi dokument minn computer għal ieħor u saħansitra minn platform għal oħra mingħajr ebda telf ta’ informazzjoni jew struttura fil-kontenut tad-dokument. L-aħħar ftit verżjonijiet tal-aktar programmi popolari kollha, inkluż il-Microsoft Word, għandhom il-faċilità li taħżen id-dokument li tkun ħloqt f’dan il-format barra mill-format nattiv tal-programm.

Hemm ħafna raġunijiet għala klijent jista’ jippreferi li jibgħatlek dokument għall-qari tal-provi f’dan il-format: qiegħed jaħdem fuq platform oħra li hija differenti minn tiegħek (eż. Linux jew iOS); qiegħed jaħdem bi programm differenti minn dak li għandek installat int fuq il-computer tiegħek; jixtieq li jkollu kontroll totali tal-kontenut tad-dokument.

Għaldaqstant m’għandekx tirrifjuta li taħdem fuq dokument b’dan il-format, imma huwa importanti li tifhem sew (u li tfiehem lill-klijent tiegħek sew) dan x’jinvolvi u x’inhuma d-differenzi meta tagħmel qari tal-provi fuq dokument PDF minflok fuq wieħed maħluq bil-Microsoft Word.

F’din is-sensiela ta’ ħdax-il posta se nesploraw dawn id-differenzi, u se naraw ukoll kif, bħala qarrej tal-provi, inti tkun tista’ tikkoreġi l-kontenut u żżid il-kummenti jew suġġerimenti tiegħek fuq dokument PDF.

F’din il-parti se nagħtu ħarsa ġenerali lejn il-format u x’għodod għandna bżonn biex inkunu nistgħu naħdmu fuq dokument PDF.

L-Adobe għandu żewġ programmi partikolari li jaħdmu fuq PDF - l-Acrobat Pro u l-Acrobat Reader. Il-programmi l-oħra kollha tal-Adobe naturalment għandhom fihom il-faċilità li taħżen ix-xogħol f’dan il-format ukoll, imma l-Acrobat huwa l-programm li jikkonċentra fuq il-format tal-file innifsu, aktar milli fuq il-kontenut. L-Acrobat Reader tista’ tniżżlu fuq il-computer tiegħek mingħajr ħlas, u jagħtik il-faċilità li taqra dokument PDF mingħajr ma jkun hemm bżonn tinstalla l-Acrobat Pro, li trid tħallas għalih u li huwa l-programm ewlieni biex toħloq dokument PDF.

L-aktar verżjoni reċenti tal-qarrej hija l-Acrobat Reader XI (11). Madankollu, biex l-Adobe ssegwi l-aħħar moda li jkollok il-programm u d-dokumenti maħżuna fil-Cloud, l-aħħar inkarnazzjoni taż-żewġ programmi issa huma l-Acrobat Pro DC u r-Reader DC (Document Cloud). Bħar-Reader 11, l-Acrobat Reader DC tista’ tniżżlu minn fuq l-Internet mingħajr ħlas. Hemm xi differenzi żgħar bejn ir-Reader 11 u r-Reader DC, u dawn se narawhom aktar ’il quddiem.

Għall-qarrej tal-provi u l-klijent tiegħu, madankollu, hemm punt aktar importanti li rridu nqisu. Meta taħdem fuq dokument tal-Word (.doc/.docx) inti tkun fil-fatt qiegħed taħdem fuq id-dokument ‘oriġinali’ (is-sors) li jkun fassal il-klijent. Is-suġġerimenti, kummenti jew korrezzjonijiet li tkun qed tagħmel ikunu qed isiru fuq is-sors innifsu. Malli l-klijent jirċievi d-dokument ippruvat, se jara l-kummenti/korrezzjonijiet tiegħek u jaħdem fuqhom fuq id-dokument stess. Dan mhux hekk b’dokument PDF.

Dokument PDF huwa kopja ta’ dokument oriġinali li ġie mfassal fi programm ieħor - seta’ kien il-Word, l-OpenOffice Writer, il-Publisher, l-InDesign, eċċ. Għaldaqstant meta l-qarrej tal-provi jdaħħal il-kummenti u l-korrezzjonijiet tiegħu fil-PDF, ma jkunx qiegħed jaħdem direttament fuq is-sors. Dan ifisser aktar xogħol għall-klijent, li jkollu jittrasferixxi manwalment il-bidliet tiegħek mill-PDF li tkun bgħattlu lura għal fuq id-dokument oriġinali. Dan jinvolvi pass żejjed fil-proċess, li naturalment jista’ jiftaħ possibiltajiet għal aktar żbalji jekk wieħed ma joqgħodx attent.

Huwa importanti ħafna bħala qarrej tal-provi li tiċċara dan lill-klijent. Jekk il-klijent huwa kittieb professjonali li jaħdem ma’ pubblikatur, dawn il-punti jkun diġà midħla tagħhom sew. Jekk il-klijent ikun individwu li jkun qed jitlob ta darba, jista’ jkun li ma jkunx konxju ta’ dan.

Fit-taqsima li jmiss se nħarsu lejn iż-żewġ verżjonijiet tar-Reader (Xi u DC) u naraw liema huwa l-aktar wieħed prattiku għalik bħala qarrej tal-provi.

No comments:

Post a Comment