Monday, October 31, 2016

Qari tal-provi ta’ dokumenti PDF
4: Kummenti fir-Reader DC

Fit-taqsima ta’ qabel din rajna li hemm erba’ funzjonijiet importanti fil-grupp tal-Comment li jaqdu tajjeb lill-qarrej tal-provi fl-Acrobat Reader DC. Rajna fil-viċin kif inħaddmu l-funzjoni Add Note to Replace Text biex inkunu nistgħu nikkoreġu l-ortografija fit-test.

F’din it-taqsima se nagħtu ħarsa lejn funzjoni oħra: dik tal-Highlight Text. Din il-faċilità tista’ sservina bħall-Comments li nsibu fil-Microsoft Word. Hija simili ħafna għall-Add Note to Replace Text, imma minflok tingassa l-kelma jew frażi, tiżbogħha bħal highlighter biex tiġbed l-attenzjoni tal-qarrej. Tista’ tagħżel ittra waħda minn kelma, kelma sħiħa, frażi, sentenza jew saħansitra paragrafu sħiħ.

Tella’ d-dokument li trid taħdem fuqu fir-Reader DC.

Ara li l-faxxa ta’ għażliet tal-Comment qed tidher. Jekk le, segwi l-istruzzjonijiet li ddiskutejna fit-taqsima ta’ qabel biex iġġibha. Mod iktar faċli biex tibda taċċessa l-funzjonijiet tal-Comment hija billi tmur fil-menu View, tagħżel Show/Hide u tikklikkja Tools Pane (Shift+F4). B'dan il-mod ikollok lista ta' għodod fuq il-lemin tal-paġna. Tista' tiftaħ il-grupp tal-Comment minn hemm. Meta toħroġ mir-Reader u terġa' tidħol, it-Tools Pane tibqa' tidher.




Ikklikkja darba fuq il-buttuna Highlight Text. Din għandha xbieha ta’ highlighter, u hija t-tieni waħda mix-xellug fil-faxxa tal-Comment.


Kaxkar il-cursor tul l-ittra jew kelma li trid tiżbogħ. Din se tidher kollha bl-isfar. Għall-ħeffa tista’ tikklikkja darbtejn malajr f’nofs ta’ kelma biex tagħżilha kollha.

Fuq il-kelma l-magħżula, ikklikkja darba bil-buttuna tal-lemin, u mill-menu li jitfaċċa agħżel Open Pop-Up Note. Tinfetaħ kaxxa fejn tkun tista’ tittajpja l-kumment tiegħek.

Malli tikklikkja xi mkien ieħor fid-dokument il-kaxxa se tisparixxi, imma tista’ tara li barra mill-kelma miżbugħa se jkun hemm ukoll simbolu ta’ bużżieqa ċkejkna fil-bidu tat-test magħżul.

Biex tara l-kumment, mexxi l-cursor fuq din il-bużżieqa. M’għandekx għalfejn tikklikkja.

Naruralment, il-kumment jidher ukoll fil-lista fuq il-lemin tal-paġna.

Oqgħod attent għax din taħdem bħat-Track Changes tal-Mocrosoft Word. Osserva li l-buttuna Highlight Text tibqa’ mixgħula (ikkulurita). Jekk ma tridx tagħmel aktar kummenti fid-dokument, ikklikkja l-buttuna mill-ġdid biex tintefa (issir griża).

Fil-parti li jmiss naraw kif tingassa test mid-dokument.

Monday, October 24, 2016

Qari tal-provi ta’ dokumenti PDF
3: Ikkoreġi l-ortografija bir-Reader DC

Iftaħ ir-Reader DC u tella’ d-dokument li trid tipproċessa.

Fir-Reader DC il-funzjonijiet ewlenin li għandna bżonn bħala qarrejja tal-provi jinsabu fil-grupp tal-Comment. Dawn ma jidhrux mall-ewwel fuq il-faxxa ewlenija ta’ għażliet, u jkollna ntellgħuhom manwalment.

Ikklikkja t-tabella Tools. Din se turik ħafna funzjonijiet. Dawn il-funzjonijiet mhux kollha aċċessibbli bħal issa. Kull funzjoni għandha l-menu taħtha (Open/Add u Learn More). Dawk il-funzjonijiet li għandhom Add mhumiex installati fil-verżjoni tiegħek tar-Reader. Biex iżżidhom ikollok tħallas għas-servizz.

Fortunatament il-funzjonijiet li għandu bżonn il-qarrej tal-provi huma diġà installati.

Ikklikkja Open taħt is-simbolu tal-Comment (l-ewwel wieħed fil-lista). Mad-dokument issa se tara faxxa ġdida ta’ buttuni u kaxxa fuq il-lemin tal-paġna. Il-funzjonijiet li għandna bżonn qegħdin kollha f’din il-faxxa.



Nibdew billi nikkoreġu ortografija żbaljata.

Ikklikkja darbtejn biex tagħżel il-kelma li trid tikkoreġi. Din tinżebagħ bil-griż jew ċelesti.

Mill-faxxa ta’ buttuni tal-Comment, ikklikkja darba fuq il-buttuna bit-T maqtugħa u bużżieqa magħħa (Add note to replace text). Din hija l-ħames fil-filliera mix-xellug.

Il-kelma se tidher ingassata, bi trijanglu żgħir fuq wara. Se tinfetaħ ukoll kaxxa (pop-up note) fejn tkun tista’ tittajpja kumment jew il-kelma bl-ortografija kkoreġuta.



It-tibdila li tkun għamilt se tidher ukoll fil-lista ta’ kummenti fuq il-lemin tal-paġna.

Malli tikklikja xi mkien ieħor fuq il-paġna, il-kaxxa titlaq, imma xorta tkun tista’ tara n-nota jekk tpoġġi l-cursor fuq it-trijanglu wara l-kelma.



Mill-buttuni kollha li hemm fl-għażliet tal-Comment, x’aktarx se jkollok bżonn xi erbgħa biss. Il-buttuna Add note to replace text li użajna hawn fuq hija waħda minnhom.

Għalhekk il-buttuni li se jkollok l-aktar bżonn bħala qarrej tal-provi huma dawn:



Highlight text


Add note to replace text


Strikethrough text


Insert text at cursor


Fl-eżampju t’hawn taħt nistgħu naraw ix-xogħol ta’ dawn l-erba funzjonijiet. Fit-tarf ta’ kull vers fejn hemm tibdila f’din l-istampa poġġejt il-buttuna użata. Innota wkoll li fuq il-lemin tal-paġna għandek il-lista tat-tibdiliet kollha. Ma’ kull nota għandek l-isem ta’ min ikun għamel il-bidla.



Kull funzjoni għandha l-mod tagħha kif tintuża. Fit-taqsimiet li jmiss se naraw kif tintuża kull waħda minnhom.

Monday, October 17, 2016

Qari tal-provi ta’ dokumenti PDF
2: Verżjonijiet tal-Acrobat Reader

F’din it-taqsima se nħarsu lejn l-aħħar żewġ verżjonijiet tal-Acrobat Reader. Se niddiskuti t-tnejn, mhux l-aħħar wieħed biss, għax l-aħħar verżjoni ma taħdimx fuq il-Windows XP. Għalkemm din l-operating system m’għadhiex daqshekk komuni, naf li għad hawn min għadu qed jużaha.

Adobe Acrobat Reader XI (Windows XP, 7, 8 / Mac OS X Snow Leopard u ’l fuq)
L-Adobe ddikjarat li se tibqa’ tissapportja din il-verżjoni sal-15 ta’ Ottubru 2017. Dan ma jfissirx li l-programm installat fuq il-computer tiegħek mhux se jibqa’ jaħdem wara dik id-data: sempliċement l-Adobe ma tibqax toħloq upgrades għalih. L-aħħar update li hemm fuq is-sit tal-Adobe (sakemm qed tinkiteb din il-posta) huwa 10.0.16.

Jekk tkun fuq Windows 10 u tipprova tmur fuq is-sit tal-Adobe biex tniżżel din il-verżjoni, is-sit se jieħdok awtomatikament għall-verżjoni DC, billi dik hija l-aħħar verżjoni għall-Windows 10, u bil-pulit ma jħallikx tniżżel ir-Reader XI. Madankollu xorta waħda tista’ tniżżel u tnstalla din il-verżjoni billi ssibha f’siti oħrajn (eż. FileHippo).

Biex tniżżel l-Acrobat Reader XI għall-Windows XP, 7, 8, 10: https://www.adobe.com/support/downloads/thankyou.jsp?fileID=5519&ftpID=5507

Jekk dan ma jaħdimx fuq Windows 10 ipprova hawn: http://filehippo.com/download_adobe_reader/tech/

Adobe Acrobat Reader DC (Windows 7, 8, 10 / Mac OS X 10.9, 10.10)
Illum il-ġurnata bil-popolarità tal-kunċett tal-Cloud u dokumenti xxerjati, hemm iktar enfasi fuq servizzi aktar milli prodotti. Minflok tixtri u tinstalla programm fuq il-computer tiegħek, tabbona għas-servizz u tpoġġi d-dokumenti tiegħek fil-Cloud. L-Adobe ma naqsitx li taqbad dan it-trend, u l-aħħar verżjoni tal-Acrobat Pro u r-Reader li ħareġ f’April tal-2015 huma mmarkati DC (Document Cloud) appuntu għal dan il-għan. Meta tibda l-programm jassumi awtomatikament li se tirreferi għal xi dokument li għandek fil-Cloud, imma jagħtik ukoll iċ-ċans li tagħżel li ttellgħu minn fuq il-hard disk.

L-Acrobat Reader DC tista’ tniżżlu minn hawn: https://get.adobe.com/reader/

Matul dawn il-posti se niffoka l-ewwel fuq il-verżjoni DC. Fil-posta li jmiss se nitkellem dwar il-funzjonijiet bażiċi li għandek bżonn biex tikkoreġi l-ortografija ta’ dokument bir-Reader DC.

Monday, October 10, 2016

Qari tal-provi ta’ dokumenti PDF
1: Tagħrif bażiku

Illum il-ġurnata kulħadd jaf bil-format PDF (Portable File Format) maħluq mid-ditta Adobe fil-bidu tad-disgħinijiet u li llum sar prattikament l-istandard li permezz tiegħu wieħed jista’ jgħaddi dokument minn computer għal ieħor u saħansitra minn platform għal oħra mingħajr ebda telf ta’ informazzjoni jew struttura fil-kontenut tad-dokument. L-aħħar ftit verżjonijiet tal-aktar programmi popolari kollha, inkluż il-Microsoft Word, għandhom il-faċilità li taħżen id-dokument li tkun ħloqt f’dan il-format barra mill-format nattiv tal-programm.

Hemm ħafna raġunijiet għala klijent jista’ jippreferi li jibgħatlek dokument għall-qari tal-provi f’dan il-format: qiegħed jaħdem fuq platform oħra li hija differenti minn tiegħek (eż. Linux jew iOS); qiegħed jaħdem bi programm differenti minn dak li għandek installat int fuq il-computer tiegħek; jixtieq li jkollu kontroll totali tal-kontenut tad-dokument.

Għaldaqstant m’għandekx tirrifjuta li taħdem fuq dokument b’dan il-format, imma huwa importanti li tifhem sew (u li tfiehem lill-klijent tiegħek sew) dan x’jinvolvi u x’inhuma d-differenzi meta tagħmel qari tal-provi fuq dokument PDF minflok fuq wieħed maħluq bil-Microsoft Word.

F’din is-sensiela ta’ ħdax-il posta se nesploraw dawn id-differenzi, u se naraw ukoll kif, bħala qarrej tal-provi, inti tkun tista’ tikkoreġi l-kontenut u żżid il-kummenti jew suġġerimenti tiegħek fuq dokument PDF.

F’din il-parti se nagħtu ħarsa ġenerali lejn il-format u x’għodod għandna bżonn biex inkunu nistgħu naħdmu fuq dokument PDF.

L-Adobe għandu żewġ programmi partikolari li jaħdmu fuq PDF - l-Acrobat Pro u l-Acrobat Reader. Il-programmi l-oħra kollha tal-Adobe naturalment għandhom fihom il-faċilità li taħżen ix-xogħol f’dan il-format ukoll, imma l-Acrobat huwa l-programm li jikkonċentra fuq il-format tal-file innifsu, aktar milli fuq il-kontenut. L-Acrobat Reader tista’ tniżżlu fuq il-computer tiegħek mingħajr ħlas, u jagħtik il-faċilità li taqra dokument PDF mingħajr ma jkun hemm bżonn tinstalla l-Acrobat Pro, li trid tħallas għalih u li huwa l-programm ewlieni biex toħloq dokument PDF.

L-aktar verżjoni reċenti tal-qarrej hija l-Acrobat Reader XI (11). Madankollu, biex l-Adobe ssegwi l-aħħar moda li jkollok il-programm u d-dokumenti maħżuna fil-Cloud, l-aħħar inkarnazzjoni taż-żewġ programmi issa huma l-Acrobat Pro DC u r-Reader DC (Document Cloud). Bħar-Reader 11, l-Acrobat Reader DC tista’ tniżżlu minn fuq l-Internet mingħajr ħlas. Hemm xi differenzi żgħar bejn ir-Reader 11 u r-Reader DC, u dawn se narawhom aktar ’il quddiem.

Għall-qarrej tal-provi u l-klijent tiegħu, madankollu, hemm punt aktar importanti li rridu nqisu. Meta taħdem fuq dokument tal-Word (.doc/.docx) inti tkun fil-fatt qiegħed taħdem fuq id-dokument ‘oriġinali’ (is-sors) li jkun fassal il-klijent. Is-suġġerimenti, kummenti jew korrezzjonijiet li tkun qed tagħmel ikunu qed isiru fuq is-sors innifsu. Malli l-klijent jirċievi d-dokument ippruvat, se jara l-kummenti/korrezzjonijiet tiegħek u jaħdem fuqhom fuq id-dokument stess. Dan mhux hekk b’dokument PDF.

Dokument PDF huwa kopja ta’ dokument oriġinali li ġie mfassal fi programm ieħor - seta’ kien il-Word, l-OpenOffice Writer, il-Publisher, l-InDesign, eċċ. Għaldaqstant meta l-qarrej tal-provi jdaħħal il-kummenti u l-korrezzjonijiet tiegħu fil-PDF, ma jkunx qiegħed jaħdem direttament fuq is-sors. Dan ifisser aktar xogħol għall-klijent, li jkollu jittrasferixxi manwalment il-bidliet tiegħek mill-PDF li tkun bgħattlu lura għal fuq id-dokument oriġinali. Dan jinvolvi pass żejjed fil-proċess, li naturalment jista’ jiftaħ possibiltajiet għal aktar żbalji jekk wieħed ma joqgħodx attent.

Huwa importanti ħafna bħala qarrej tal-provi li tiċċara dan lill-klijent. Jekk il-klijent huwa kittieb professjonali li jaħdem ma’ pubblikatur, dawn il-punti jkun diġà midħla tagħhom sew. Jekk il-klijent ikun individwu li jkun qed jitlob ta darba, jista’ jkun li ma jkunx konxju ta’ dan.

Fit-taqsima li jmiss se nħarsu lejn iż-żewġ verżjonijiet tar-Reader (Xi u DC) u naraw liema huwa l-aktar wieħed prattiku għalik bħala qarrej tal-provi.

Monday, October 3, 2016

Qabbel dokumenti fil-Word 2016

Jista’ jkun hemm każ fejn ikollok verżjonijiet differenti tal-istess dokument imma għal xi raġuni jew oħra it-tibdiliet bejn dokument u ieħor mhux immarkati. Jekk tiġi bżonn tfittex it-tibdiliet ikun impossibbli ssibhom malajr, speċjalment f’dokument twil, sakemm ma jkollokx toqgħod taqra ż-żewġ dokumenti kelma b’kelma biex tqabbel.

Il-Word għandu l-funzjoni tal-Compare, li tagħmel dan ix-xogħol għalik. Tista’ wkoll tqabbel l-istess dokument immarkat minn qarrejja tal-provi differenti, u tpoġġihom f’dokument wieħed.

Meta tagħmel dan, tqabbel żewġ dokumenti (anki jekk m’għandhomx markups), u toħloq dokument ġdid. F’dan id-dokument id-differenzi huma mmarkati bit-Track Changes awtomatikament. B’hekk tkun tista’ taħżen dan it-tielet dokument bid-differenzi mmarkati. Tkun tista’ mbagħad taċċetta jew tiċħad it-tibdiliet bħas-soltu.

Ta’ min jinnota li din il-funzjoni ma tinsabx fl-aħħar verżjoni biss tal-Microsoft Word. Teżisti wkoll fil-verżjonijiet aktar bikrija.

Tella’ l-Word. Mit-tabella tar-Review, ikklikkja Compare, u mill-għażliet li ssib erġa’ kklikkja Compare.



Issa se titla’ t-tieqa tal-Compare Documents. Din tista’ tespandiha billi tikklikkja l-buttuna More, imma l-aktar parti importanti hija ta’ fuq, fejn jitolbok tagħżel l-ewwel dokument (Original document) u t-tieni (Revised document).



Wara li ttellagħhom ikklikkja OK. Issa se tara li l-iscreen inqasam f’erbgħa. Fuq ix-xellug għandek ir-Revisions Pane li turik lista ta’ kull differenza jew tibdila li saret bejn l-oriġinal u l-kopja.



Fil-parti ewlenija tal-iscreen għandek id-dokument il-ġdid li nħoloq (Compared document), bil-markups tat-Track Changes.

Fuq il-lemin għandek iż-żewġ dokumenti li bdejna bihom.

Jekk tkun trid tikkonċentra fuq id-dokument ewlieni, jiġifieri d-dokument il-ġdid li nħoloq bit-Track Changes, erġa’ mur fuq Compare u agħżel Show Source Documents. Mill-għażliet li se jidhru tista’ tagħżel Hide Source Documents, biex b’hekk jidher biss il-Compared Document.





Id-dokument il-ġdid li jinħoloq il-Word jagħtih l-isem Compare Result u n-numru ta’ sekwenza, jiddependi kemm-il wieħed tkun ħloqt. Naturalment dan tista’ taħżnu bħas-soltu u tagħtih isem kif jixraq. Id-dokumenti oriġinali jibqgħu sħaħ u mimsusin bl-ebda mod.