Monday, September 26, 2016

Comments u Changes fil-Word 2016

Barra mill-ftit tibdiliet li semmejna fil-partijiet ta' qabel, m'hemmx ħafna kambjamenti oħra mill-Word 2010 għat-2016.

Il-funzjononijiet kollha tal-kummenti għadhom hemm.

Hemm xi bidliet żgħar fil-grupp taċ-Changes, fejn tkun tista' taċċetta jew tiċħad tibdiliet.

Funżjoni ġdida li taħdem kemm meta taċċetta kif ukoll meta tkun trid tiċħad tibdila hija l-Accept/Reject All Changes and Stop Tracking.


Fit-taqsima li jmiss se nitkellmu fuq aspett ġdid li kien minn dejjem fil-Word, imma li qatt ma tkellimna dwaru fil-kors. Ftit żmien ilu kollega qarrej tal-provi semmieli li kin ġie bżonnu, għaldaqstant se nibda ninkludih bħala suġġett fil-lezzjonijiet. Se niddiskuti dwar kif nużaw il-funzjoni tal-Compare Documents.

Monday, September 19, 2016

Bidliet oħra fit-Track Changes tal-Word 2016

Il-buttuna tax-Show Markup ukoll kellha xi tibdiliet, imma m’humiex kbar ħafna. Ta’ min jinnota li l-għażliet fil-buttuna tal-Balloons baqgħu l-istess.


Bħal fil-Word 2010 il-buttuna ewlenija tat-Track Changes tixgħel u titfi l-funzjoni. Madankollu reġa’ hemm bidla żgħira fl-għażliet tal-menù.

Iċ-Change Tracking Options u ċ-Change User Name issa tneħħew minn hawn. Minflok għandna l-funzjoni ġdida Lock Tracking. Jekk tixgħel din-il-funzjoni qarrejja oħra tad-dokument ma jkunux jistgħu jitfu l-funzjoni tat-Track Changes. Naturalment qarrej tal-provi m’għandux bżonn jagħmel dan u għaldaqstant nimmaġina li f’dan ix-xogħol ftit li xejn ikollna bżonn din il-buttuna.


Iż-żewġ għażliet li tneħħew minn taħt il-buttuna ewlenija tat-Track Changes issa nħbew fil-grupp ta’ għażliet avvanzati. Dawn issibhom billi tikklikkja l-buttuna ż-żgħira fir-rokna l-leminija ta’ taħt, fil-grupp tat-Tracking. Din il-buttuna ma kinitx teżisti fil-Word 2010.

Malli tiftaħ l-għażliet se tara li hemm il-funzjonijiet kollha bħas-soltu. Biex imbagħad taċċessa l-għażliet ta’ kif jidher il-markup (kuluri, stili, eċċ.), ikklikkja l-buttuna Advanced Options.




Ta’ min jinnota hawn l-għażla Track formatting. Bħall-għażliet l-oħra tista’ tagħżel li titfi din il-funzjoni. Tista’ tilħaqha minn din it-tieqa jew anki mill-għażliet tax-Show Markup. Jekk il-klijent ikun jixtieqek tiffoka biss fuq l-ortografija, tista’ titfi din-funzjoni biex tibdil fil-fonts, daqs tat-tipa, tibdil tal-lingwa u anki tibdil fl-istili ma jidhrux fil-balloons mal-affarijiet l-oħra.

Monday, September 12, 2016

Kummenti personali wara s-seminar Il-Kitba tal-Kliem mill-Ingliż għall-Malti (18/6/2016)

L-ewwelnett nixtieq nifraħ u nirringrazzja lill-membri kollha tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u lil kull min qiegħed jgħin fix-xogħol siewi li qed isir għat-titjib tal-istandard tal-Malti miktub. Il-laqgħa tat-18 ta’ Ġunju kienet ilha mistennija b’ħerqa minn ħafna nies u nemmen li permezz tagħha għamilna pass kbir ’il quddiem.

Nixtieq niffoka l-kummenti tiegħi fuq il-kwistjoni tal-preżentazzjoni tal-kliem misluf mill-Ingliż.

  • Naqbel mal-punt li kittieb jista’ jagħżel li kelma jiktibha bl-ortografija oriġinali Ingliża jew bl-ortografija Maltija.
  • Naqbel mal-punt li m’għandux ikun hemm użu mħallat taż-żewġ ortografiji fl-istess kelma.
  • Napprezza l-għażla li tingħata lill-kittieb biex jiddeċiedi liema sistema juża kif ukoll nagħraf ir-responsabbiltà tal-kittieb li jkun konsistenti fl-għażla tiegħu.

Għad mhuwiex ċar – għall-inqas f’għajnejja – x’jiddetermina kelma Ingliża ġietx assimilata jew le fil-Malti. Naturalment kliem bħal friġġ u futbol ilhom għexieren ta’ snin magħna u ma jistunawx fil-kitba għax forsi drajniehom. Imma teżisti xi linja preċiża li tiddetermina dan? Jekk friġġ u futbol iva, għaliex erkondixiner le (qed nuża dan il-kliem għall-argument biss)? Hemm kliem li daħal fil-lingwa reċentement meta mqabbel ma’ kliem ieħor. Liema kriterju jintuża biex niddeterminaw dan il-kliem ġiex assimilat jew le? Huwa mistenni minn kittieb, ġurnalist jew għalliem li jibqa’ aġġornat biex ikun jaf kliem li daħal fil-Malti ġiex ‘promoss’ bħala kliem assimilat? Qed nimmaġina li jkun hemm dizzjunarji li forsi jiddetermina dan, imma kemm-il sena tgħaddi bejn il-pubblikazzjoni ta’ dizzjunarju u ieħor?

Fil-kitba tiegħi kont nuża s-sistema tal-ortgorafija Maltija għal ċerti kliem, imma mbagħad meta kont inħoss li kelma tidher kemmxejn stramba kont inħalliha bl-ortografija Ingliża u nagħmilha bil-kursiv. Madankollu dejjem kont inħoss li d-deċiżjoni ta’ liema ortografija nuża kienet tkun arbitrarja, u mhux neċessarjament tagħmel sens lil kittieb ieħor jew lill-qarrejja. Barra minn hekk dejjem ħassejt ukoll li kien hemm inkonsisteza fit-trattament tiegħi tal-kliem barrani, biex ma nsemmix il-fatt li kien hemm inkonsistenza fil-kitba bl-użu ta' żewġ kriterji differenti.

Fid-dawl tal-laqgħa li kellna se nipprova nkun ftit prattiku u nikkunsidra wkoll xi punti li semmew kollegi oħra waqt id-diskussjoni. Għaldaqstant is-sistema ta’ ortografija fil-kitba tiegħi se titbiddel xi ftit minn issa ’l quddiem biex tirrifletti aħjar dak li ntqal fis-seminar u li nassumi jista' jiġi propost f’Deċiżjonijiet 2.

(1) Il-kliem Ingliż inħallih bl-ortografija oriġinali fejn ma jkunx hemm l-affiss grammatikali Malti. Għaldaqstant nikteb kemm computer kif ukoll kompjuterizzat. Dan, fil-fehma tiegħi, se jneħħi d-dilemma bejn kliem missellef assimilat u dak li għad mhux. Għalkemm wieħed jista’ jġib l-argument li xorta hemm inkonsistenza bejn kliem tal-istess nisel, nemmen li r-regola grammatikali tiġġustifika din id-differenza aktar, u hija inqas arbitrarja.

(2) Dan iwassal għall-kwistjoni tal-preżentazzjoni tal-kliem missellef. Jien minn dejjem għażilt li nuża l-kursiv għal ħafna raġunijiet. Il-virgoletti, kemm singli kif ukoll doppji, joħolqu wisq aktar problemi u mhumiex daqshekk prattiċi. Teknikament qed jaħlu aktar ħin lill-kittieb biex jikteb (anki jekk bi ftit sekondi). Barra minn hekk meta jkollok nested quotes il-biċċa tikkumplika ruħha aktar.

Mill-banda l-oħra, għalkemm il-kursiv issa sar kumdità fid-dokumenti elettroniċi, f’manuskritti bħall-karti tal-eżamijiet huwa impossibbli. Anki fl-istampar u fid-dokumenti elettroniċi jistgħu jinqalgħu diskrepanzi meta l-kursiv ikun użat għall-enfasi. Dan l-effett jista’ jintilef qalb ruxxmata ta’ kliem missellef li huwa ppreżentat bil-kursiv ukoll.

Fl-aħħar mill-aħħar iddeċidejt li l-aħjar soluzzjoni f’dan il-każ tkun li l-kelma misselfa ma tiġi mmarkata xejn. Din id-deċiżjoni teħles mid-dilemmi kollha li semmejt hawn fuq. Raġuni oħra għalfejn nagħżel dan hija li, anki jekk wieħed jiddeċiedi li nibdew nimmarkaw il-kliem missellef bil-kursiv, qalbi tgħidli li maż-żmien din il-prattika tibda tintilef.

Is-sitwazzjoni hija kkumplikata, u nifhem sew kemm huwa diffiċli li tieħu deċiżjoni. Kull pass li wieħed jieħu rigward punt partikolari żgur se jolqot u jaffettwa punt ieħor, u jekk nibqgħu sejrin hekk nirriskjaw li ma naslu mkien. Fl-opinjoni tiegħi il-passi li semmejt hawn fuq jistgħu jeħilsu lil kull min hu kkunċernat rigward ambigwitajiet u dilemmi.

Fil-qosor, l-istil ta’ kitba tiegħi se jkun dan:

  1. Ortografija Ingliża għall-kliem mhux milqut minn affissi grammatikali (eż. computer, mhux kompjuter), anki għal kliem diġà assimilat u aċċettat.
  2. Ortografija Maltija għall-kliem milqut minn affissi grammatikali (eż. kompjuterizzat).
  3. Il-kliem missellef ma jiġi mmarkat bl-ebda mod.

Madankollu, jien dejjem lest li nirrispetta d-deċiżjoni aħħarija tal-Kunsill.

Monday, September 5, 2016

Bidliet fid-dehra tal-Markup f’Word 2016

F’posti oħra f’dan il-blog tistgħu issibu noti dwar il-veduti tat-Track Changes (kif jidhru fuq l-iscreen) fil-verjoni 2010 tal-Word. Fil-verżjoni 2016 hemm xi kambjamenti żgħar li se nsemmi hawn.

Fost dawn hemm il-mod kif l-għażliet huma ppreżentati fil-menù, li jekk taqleb mill-verżjoni 2010 se ssibhom xi ftit strambi.

Se nibda l-ewwel billi niddiskuti l-għażliet tal-Markup. Fil-pavaljun ta’ dawn l-għażliet se ssib erbgħa, bħalma hemm fil-2010, imma fid-dehra jidhru differenti, u hemm għażliet ġodda filwaqt li oħrajn tneħħew. Madankollu, il-parti l-kbira tagħhom qed jirreferu għall-istess tipi ta’ veduti bħal f’tal-2010.


Fit-tabella t'hawn taħt qed inqabbel iż-żewġ gruppi.

WORD 2010

WORD 2016

Kummenti


Simple Markup

Din hija għażla ġdida li ma kinitx fil-Word 2010. It-tibdiliet ma jidhrux immarkati fil-balloons. Minflok, għandek linji ħomor fil-marġini tax-xellug tad-dokument f’kull vers fejn hemm tibdila. Il-kontenut huwa dak kif jidher fil-verżjoni finali.

Final: Show markup

All Markup

Turik it-tibdil kollu bil-balloons fuq il-lemin.

Final

No Markup

Turik kif se jkun id-dokument finali. Hija prattikament l-istess veduta bħas-Simple Markup, mingħajr il-linja fuq ix-xellug.

Original: Show Markup


M’hemm l-ebda verżjoni ta’ din l-għażla fil-Word 2016.

Original

Original

Turik id-dokument kif kien qabel ma bdejt taħdem fuqu.

Il-bidla ewlenija bejn iż-żewġ verżjonijiet hija kif tara d-dokument oriġinali. Hemm għażla waħda biss, mingħajr ebda markup. Id-dehriet l-oħra fil-Word 2016 juru dejjem il-bidliet li tkun għamilt, b’modi differenti.

Saturday, September 3, 2016

Aġġornamenti Word 2016

Fil-laboratorji tal-IT tal-Università se jkun hemm taqliba mill-Office 2010 għall-Office 2016.

Ħafna mit-tibdil huwa kosmetiku u mhux se jaffettwa ħafna x-xogħol tal-kors MAL1048.

Madankollu jista’ jkun hemm xi tibdil żgħir fil-mod kif wieħed juża l-faċilitajiet tal-programm. Se nibda naħdem fuq verżjoni aġġornata tan-Noti biex jirriflettu dawn it-taqlibiet, imma għalissa, speċjalment mal-istudenti preżenti, se nibqa’ nirreferi għall-verżjoni ta’ qabel tan-Noti (verżjoni 4.1) li tkopri biss il-Word 2010.

Sadattant se nibda ntella’ noti dwar id-differenzi fil-Word 2016 fuq il-blog. Għalkemm dawn mhux se jkunu inklużi fin-Noti għalissa, huma importanti għall-eżami tal-kors, għax naturalment il-Word 2016 se jkun installat fuq il-computers tal-lab waqt l-eżami ta' Frar 2016.

Se nibda nżid dawn il-posti minn żmien għal ieħor. L-ewwel waħda se titla' nhar it-Tnejn 5 ta' Settembru. Biex tibqgħu aġġornati u tirċievu email awtomatikament malli ntella’ posta ġdida nissuġġerilkom tabbonaw għall-posti, billi ddaħħlu l-indirizz elettroniku tagħkom fil-kaxxa fuq il-lemin tal-blog. Dan se jkun l-uniku mezz biex tkunu tafu bil-posti l-ġodda li jitilgħu.

Kif nista’ nkun naf liema posta hija importanti għall-eżami?
Il-posti li se jkunu aġġornamenti għan-Noti tista’ ssibhom kollha taħt il-kategorija MAL1048. Se jibdew jidhru wkoll taħt il-kategoriji rispettivi tagħhom għall-Word 2016 u suġġetti oħra.