Friday, May 1, 2015

Tastiera virtwali tal-Malti għall-iOS


Fl-aħħar xhur tal-2014 ħarġet tastiera virtwali oħra tal-Malti, maħluqa minn Keith Galdies (maltesekeyboard.tumblr.com), li taħdem fuq l-apparati kollha li għandhom iOS 8.0. Issibuha fl-App Store bl-isem ta’ Maltese Keyboard.

Malli tinstalla, tintegra mal-operating system, u għaldaqstant taħdem mal-programmi l-oħra kollha. Dan ifisser li ma jkollokx tittrasferixxi t-test minn programm għal ieħor bħalma jiġri bit-tastiera l-oħra Malti (www.vioside.com). Kull meta jkollok bżonn tittajpja xi ħaġa – kemm jekk fuq wordprocessor, jew ittra elettronika, jew sempliċement tfakkira fuq l-EverNote – it-tastiera titfaċċa f’qiegħ l-iskrin bħat-tastieri l-oħra.

Jekk tuża l-Malti ta’ spiss tista’ tqabbad lill-iOS itellagħha awtomatikament. Tista’ taqleb minn tastiera għal oħra billi tittappja fuq il-buttuna tal-globu [1].




Svantaġġ żgħir li sibt huwa l-fatt li biex tagħmel spazju għall-ittri Maltin, li jinsabu biswit il-buttuni l-oħra tal-ittri simili Ingliżi, issa m’għadhomx jidhru t-tasti tal-punteġġatura (il-punt, il-virgola, il-punt interrogattiv u l-punt esklamattiv). Dawn issa ssibhom fit-tieni ‘paġna’ billi tittappja l-buttuna 123 [2]. Mhix xi skumdità kbira, imma meta tkun qed tittajpja mgħaġġel tista’ titlef il-fil tal-ħsieb sakemm taqleb minn paġna għal oħra tat-tastiera, speċjalment billi l-punt u l-virgola jintużaw ta’ spiss.