Sunday, January 12, 2014

Tastiera virtwali tal-Malti għall-iPhone/iPad

Il-kumpanija Maltija Vioside (www.vioside.com) ippubblikat app għal tastiera virtwali tal-Malti għall-iPad u l-iPhone. Din tista’ sservi biex tibgħat ittrejiet – u anki toħloq dokumenti twal – bl-ittri Maltin – ħaġa li sa ftit ilu ma kinitx possibbli. Bħala app taħdem l-istess bħall-app tal-Android li kont tkellimt dwarha ftit żmien ilu.

L-app jisimha sempliċement Malti, u tiswa inqas minn ewro. Bħal kull app oħra fuq l-iPad, tista’ tniżżilha faċilment mill-App Store. Jiena ppruvajtha fuq iPad 3, imma nimmaġina li għandha taħdem tajjeb ukoll fuq l-iPhone.

Ladarba tkun installajt l-app, il-proċedura kif tużaha hija faċli ħafna. Meta tkun trid toħloq dokument bil-Malti, minflok tmur fuq l-app li għandek bżonn – ngħidu aħna l-Pages, il-Mail, jew saħansitra xi kumment fuq Facebook – mur l-ewwel f’din l-app. Se tiftaħ f’paġna vojta, daqslikieku qiegħed tuża wordprocessor normali. Fuq il-parti t’isfel għandek it-tastiera virtwali. Il-konsonanti tal-Malti jinsabu għalihom f’filliera fuqnett tat-tastiera.

Ittajpja t-test normali. Għall-konsonanti Maltin żomm subgħajk ’l isfel fuq it-tast biex iġġib l-ittra kapitali. Malli tlesti, ittappja l-kelma Kopja. Din tpoġġilek dak kollu li tkun ittajpjajt fil-memorja.


Issa iftaħ l-app l-oħra li trid, poġġi l-cursor fejn għandek bżonn iddaħħal it-test, żomm subgħajk mal-iskrin u stenna sakemm jidhru l-buttuni s-suwed tal-għażliet. Agħżel Paste u t-test se jidħol fl-app.

Kif wieħed jista’ jinnota, il-vokali aċċentati ma jidhrux fuq it-tastiera. Dan għaliex wieħed jista’ jaċċessahom mit-tast tal-vokali mingħajr aċċent – żomm subgħajk fuq il-vokali sakemm jidhru l-għażliet, u agħżel l-aċċent li għandek bżonn.

L-app hija sempliċi ħafna, mingħajr ebda frilli imma prattika. S’issa ħadmet ma’ kull app li ppruvajt.

No comments:

Post a Comment