Sunday, January 19, 2014

Oħloq Stil fil-Word 2010

Ħafna drabi waqt li tkun qiegħed taħdem fuq dokument għal klijent ikollok bżonn tirreferi għall-house style tal-pubblikatur. Naturalment dan se jinkludi ħafna regoli ta’ ortografija – speċjalment fejn jidħlu varjanti jew każijiet fejn għad m’hemmx deċiżjoni uffiċjali – kif ukoll regoli ta’ preżentazzjoni: kemm inħalli spazju bejn vers u ieħor, jew paragrafu u ieħor; x’tipa nuża, u x’daqs; hemm indenzjoni fil-bidu ta’ kull paragrafu, jew le? Ġeneralment huwa x-xogħol tal-copy editor li jara li dan isir sew, imma jista’ jinqala’ l-każ li l-qarrej tal-provi jiġi mitlub jagħmlu.

l-iStyles fil-Word 2010 jistgħu jiġu utli hawn. Permezz ta’ Style tista’ tissettja ġabra ta’ struzzjonijiet li l-Word ikun jista’ jeżegwihom bi klikkjatura waħda.

[Hawnhekk se nuża l-kelma Ingliża Styles biex nirreferi għall-funzjoni partikolari li tinsab fil-Word u nagħżilha mill-kunċett ġenerali ta’ stil.]

Fit-tabella tal-Home għandek Styles fuq in-naħa tal-lemin taż-żigarella, u turik xempju tal-istili l-aktar komuni, fosthom Normal, Heading 1 u Heading 2. Jekk tiskrolja ’l fuq u ’l isfel tara li hemm ħafna aktar – prattikament għal kull element partikolari li ssib f’test. Dawn huma kollha sbieħ u tajbin, imma naturalment żgur li xi darba se jiġri l-każ li tkun trid tagħmel l-istil tiegħek, jew tqabbel stil li diġà jeżisti ma’ xi house style ta’ pubblikatur.

Ġeneralment fl-istil wieħed ikun irid jikkontrolla t-tipa u d-daqs tagħha, l-indenzjoni tal-ewwel vers tal-paragrafu, ix-xaqliba tat-test u spazji bejn il-vrus u l-paragrafi. Dawn huma biss l-aktar ħtiġijiet komuni, imma Style fil-Word jista’ jinkludi ħafna aktar elementi.

Hemm ħafna modi biex toħloq stil mill-ġdid. L-eħfef huwa billi taqbad u tittajpja sentenza jew paragrafu, tirranġa l-elementi kollha kif trid minn fuq il-buttuni fil-menù u tqabbad lill-Word joħloq Style b’dawn l-attributi kollha.

Nagħmlu mod li rrid li l-paragrafi kollha tat-test ewlieni f’dokument ikollhom dawn l-ispeċifikazzjonijiet:

·       Tipa: Georgia, daqs 11pt.
·       Xaqliba: fully justified
·       Spazju bejn vrus: doppju
·       Indenzjoni tal-ewwel vers: 1.25ċm

Ibda dokument ġdid, ittajpja l-ewwel sentenza jew l-ewwel paragrafu tat-test u poġġilu dawn l-elementi kollha.

Ħalli l-cursor xi mkien qalb it-test (jew jekk trid tkun ċert li l-Word jirreġistrah agħżlu – highlight – kollu).


Issa osserva l-ġabra ta’ xempji ta’ stili li għandek fuq iż-żigarella, u kklikkja fuq il-buttuna ċ-ċkejkna (bilkemm tidher) isfel nett fuq il-lemin. Din se tiftaħ kaxxa b’lista ta’ stili u xi buttuni taħt.

X’ikun hemm fil-lista tal-istili jiddependi mill-preferenzi ssettjati fil-programm – dwar dawn nitkellmu aktar tard f'posta oħra. Li tinteressa lilna hija l-ewwel buttuna, isfel nett fuq ix-xellug – New Style. Ikklikkja fuqha.


Se titla’ t-tieqa Create New Style from Formatting. Ħares lejn l-istampa fuq ix-xellug u l-partijiet innumrati fuqha. Se niddiskutuhom hawn taħt.

1.      L-ewwelnett għandek l-isem tal-istil. Agħtih isem ċar li tiftakru ħalli aktar tard meta tarah tkun tista’ tiftakar xi stil kien. Evita li tuża l-alfabett Malti, hawn, għax jista’ ma jintgħarafx sew mis-sistema.
2.     Malli tikklikkja ENTER wara l-isem l-istess stil se jidher awtomatikament fil-kaxxa Style for following paragraph. Dan biex juri lill-Word li l-paragrafu li jmiss se jżomm l-istess stil.
3.     Fis-sezzjoni tal-Formatting se tara li l-font u d-daqs tagħha huma kif fassalna fuq il-paġna.
4.     L-istess jgħodd għall-full justification u l-ispazju bejn il-vrus fit-tieni linja tal-Formatting.
5.     Taħt ix-xempju tal-istil għandek l-informazzjoni kollha li tajna.
6.     Ix-xempju jurik kif il-paragrafu se jkun qed jidher fuq il-paġna.

Kif wieħed jista’ jara dawn l-affarijiet kollha sibniehom diġà lesti fl-istil il-ġdid billi konna ssettjajniehom qabel ma ħloqna l-istil innifsu. Kull ma għamilna iżjed kien li nagħtu isem lill-istil.

Il-buttuna Format tista’ tagħtina ħafna aktar għażliet biex nikkontrollaw elementi oħra fl-istil. Dan nitkellmu fuqu f’posta oħra.

Issa, malli nikklikkja OK se nara li l-isem tal-istil il-ġdid tiegħi se jidher fil-lista ta’ stili fil-kaxxa u anki fiż-żigarella tax-xempji. Darb' oħra, meta jkolli bżonn nuża dawn l-elementi kollha flimkien fuq paragrafu, kemm nikklikkja isem l-istil fil-lista.

No comments:

Post a Comment