Sunday, February 3, 2013

Post, Powst jew Posta?

It-terminoloġija teknika fil-Malti hija waħda mis-suġġetti li l-aktar jaħarqu bħalissa.

Kif semmejt fl-introduzzjoni ta’ dan il-blog, kemm ix-xena teknoloġika kif ukoll l-ilsien Malti għaddejjin minn żmien ta’ bidla liema bħalha, żmien interessanti, żmien eċċitanti u żmien ta’ ftit taħbil il-moħħ ukoll. U ma jonqosx li jkun hemm polemiki dwar kif l-aħjar tuża ċerti termini tekniċi li mhumiex ġodda fil-Malti biss iżda saħansitra fl-Ingliż ukoll, meta tqis li bdew jidhru biss f’dawn l-aħħar snin u hemm minnhom li għad iridu jiġu aċċettati fid-dizzjunarji l-aktar stabbiliti tal-Ingliż.

Post mhix waħda minnhom, naturalment. Imma għall-Malti tista’ tkun problema – bħalma qed jiġri bi kliem modern ieħor.

Meta ġejt biex nagħmel il-blog, sibt quddiem wiċċi t-termini post użat biex jiddeskrivi kitba, twila jew qasira, mill-awtur tal-blog. It-tweġibiet għall-post li jagħmlu l-qarrejja tal-blog umbagħad insejħulhom il-comments. Naħseb li f’dan il-każ kollha naqblu li kummenti għandha tkun tajba biżżejjed.

Imma xi ngħidu dwar post?

Meta nqisu li blog mhu xejn għajr web log imqassra – jiġifieri speċi ta’ djarju fuq l-internet, nistgħu nqisu post bħala ‘entratura’ fi djarju, li naħseb li hija l-eqreb eżempju ta’ ħaġa tradizzjonali li tixbah din l-għamla ta’ kitba moderna. Imma ‘entratura’ ma ddoqqlix ħafna. Naraha ftit twila wkoll. U x’inhi l-azzjoni? – tentra? entrajt messaġġ fuq il-blog?

Fl-istess ħin ma nħossx li għandi nibqa’ bil-kelma oriġinali Ingliża post, għax jekk nuża lilha tiġi tixbah wisq il-kelma ‘post’ Maltija li tirreferi għal ‘lok’. U ngħiduha kif inhi, iż-żewġ kelmiet għandhom pronunzja differenti wkoll. Mela x’nagħmlu? Nużaw il-kelma Ingliża fonetikament, u nibdew ngħidu ‘powst’? – nippowstja? ippowstjajt messaġġ fuq il-blog?

Ippruvajt inħares lejn is-sitwazzjoni minn angolu ieħor. Il-kelma Ingliża fil-fatt tirreferi għal meta wieħed jibgħat xi ħaġa bil-posta – to post a letter. L-analoġija użata fil-blogs meħuda minn hemm. Fil-Malti diġà għandna xi ħaġa simili: timposta, posta...

Inħoss li din hija aktar naturali. Qabelxejn hija termini li diġà teżisti fl-ilsien u f’ħalq il-Malti. M’hemmx bżonn tqanżiħ żejjed biex wieħed jibda jużaha b’mod naturali jew istintivament. Barra minn hekk hija wkoll qrib biżżejjed għat-tifsira u l-funzjoni tal-ħaġa.

Għaldaqstant jien inħoss li għandi nuża din it-termini biex nirreferi għall-posta li qed nikteb bħal issa. Il-verb naħseb li jiġi waħdu: timposta l-kitba tiegħek fuq il-blog.

Xi ngħidu għall-plural? Naturalment ‘postijiet’ hawnhekk ma naħsibx li hija f’lokha. Nissuġġerixxi posti.

X’taħsbu?

2 comments:

  1. Mhux dwar 'powst' jew 'post' ser nikteb imma dwar 'blog', li fil-fehma tiegħi għandha tkun 'blogg', bħalma niktbu 'friġġ', jiġifieri bl-aħħar konsonanti doppja. Din kienet ġiet diskussa xi ftit żmien ilu fil-Grupp tal-Qarrejja tal-Provi. jien dejjem nikteb 'blogg' u 'bloger'.

    ReplyDelete
    Replies
    1. Punt tajjeb. Kelli d-dubji tiegħi għandix niktibha bil-'g' doppja. Hija waħda minn dawk il-kliem Ingliżi li l-fonetika tagħha toqgħod ħafna għall-fonetika Maltija (jew kważi). Fil-fatt nara li tagħmel ħafna sens li tinkiteb 'blogg' biex timxi mal-ortografija ta' kliem simili.

      Delete