Saturday, February 16, 2013

Għala dan il-blog?

Għall-erwieħ! Biċċa xogħol lesta. Ilek ħafna taħdem fuq dan id-dokument. Dortu fuq li dortu, u issa ċert mija fil-mija li huwa perfett. U fil-ħin ukoll! Kont wegħidt lill-klijent tiegħek li kellek tlestih sal-aħħar tax-xahar - u għada l-aħħar tax-xahar.

Mela, ħa nixegħlu l-laptop, intellgħu l-Word, u nagħtuh l-aħħar titwila għall-ġurament, qabel ma nibagħtuh lill-klijent bil-posta elettronika...

Il-Word tela’ sew... il-fajl qiegħed f’postu... nikklikkja fuqu...

Haw’ x’ġara? Id-dokument jidher f’postu, imma t-track changes fejn marru? Imma jiena ċert li kont għamilthom... naf bi żgur li kont għamilt saħansitra xi kummenti dwar xi frażijiet li dehruli strambi...

Tipprova tikkonvinċi ruħek li għadu ma wasalx il-mument li tippanikkja. Tipprova tiftakar x’kienu l-aħħar passi li għamilt. Tidħol fl-għażliet tat-Track Changes, biex tara biddiltx xi setting bi żball. Tipprova tiftakar x’kien semmielek dak l-imbierek waqt il-lezzjonijiet tal-kompjuter fil-kors tal-Qari tal-Provi – x’tista’ tagħmel f’din is-sitwazzjoni...

Għandek xi suspetti, imma għadek ma sibtx x’hemm ħażin. Bil-mod il-mod tibda tħoss il-fawra tiela’ għal rasek. Le, Ġuż, stenna ftit ieħor... tippanikkjax għalissa... (għalkemm forsi f’dan il-waqt tibda – skont il-karattru jew l-atteġġament tiegħek – jew tinvoka lill-qaddisin jew tibagħthom jixxejru.)

U fl-aħħar f’moħħok issa qed tibda tberren l-idea li forsi tlift ix-xogħol kollu u jkollok terġa’ tibda mill-bidu... Issa? B’inqas minn ġurnata qabel id-data tal-għeluq...?

Orrajt, Ġuż, tista’ tibda tippanikkja...!

Ma nafx kemm minnkom għaddew minn xi sitwazzjoni simili, imqar b’xi operazzjoni oħra fuq il-kompjuter jew il-laptop: xi taqliba ta’ fonts fid-dokument; stili ssettjati tajjeb ġurnata imma mħarbtin għal kollox l-għada; żball li għamilt bil-Find & Replace u li ma tistax treġġgħu lura; insomma, il-kompjuter biss għandu immaġinazzjoni tant fertili li jiġik bi problemi li qatt f’mitt sena ma tobsor li jistgħu jinqalgħu (jew forsi jiġi bihom għax m’għandux immaġinazzjoni?). Qisu bħallikieku hemm xi xitan żgħir jgħix qalb dawk iċ-ċippijiet u mikroċippijiet, il-ħin kollu ppreparat biex iħassarlek dak li tkun qed tagħmel.

[Għal dan il-blog iddeċidejt li nsejjaħlu Xitaninu (il-kelma gremlin għandi l-impressjoni li diġà użaha xi ħaddieħor, u nibża’ li jfittxuni għad-drittijiet tal-awtur). Niggarantilkom li se nerġgħu niltaqgħu miegħu.]

Dan il-blog jieħu spunt mill-kors dwar l-użu tal-għodod elettroniċi fil-qari tal-provi bil-Malti, kors imniedi mid-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Għaldaqstant jiena nittama li jinteressa lil dawk li huma – jew li darba kienu – studenti tal-kors, u li bħala qarrejja tal-provi qegħdin jagħmlu użu sħiħ ta’ dawn l-għodod fix-xogħol tagħhom. Naturalment, bħal kull ħaġ’ oħra elettronika jew mekkanika, mhux kollox dejjem jimxi ħarir, u jiena ċert li tistgħu tiltaqgħu ma’ problemi li nittama ssibu s-soluzzjoni tagħhom hawnhekk.

Madankollu nixtieq li dan il-blog iservi wkoll bħala għajn ta’ diskussjoni rigward it-teknoloġija in ġenerali, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-Malti. L-islien Malti għaddej minn ħafna tibdiliet interessanti – forsi f’xi każijiet ftit kontroversjali wkoll. Sadattant it-teknoloġija stess għaddejja minn tibdil rivoluzzjonarju li jaqtagħlek nifsek bil-pass mgħaġġel tiegħu. Għalhekk aħna li nagħmlu użu kemm mill-ilsien kif ukoll mit-teknoloġija ninsabu l-ħin kollu fil-qalba ta’ ċaqliq kontinwu taħt saqajna. Wasalt biex tħossok komdu tuża l-Word 2010, u bdejt tapprezza l-preġji tal-Windows 7? B’daqshekk? Arahom ġejjin l-Office 365/2013 u l-Windows 8! Erġ’ ibda tgħallem mill-bidu...

Naturalment dan ma jgħoddx għal kulħadd, u m’għandekx taħseb li biex taħdem sew trid bilfors taġġorna l-programmi u l-kompjuter li għandek. Fil-fatt, għalkemm forsi wieħed ma jemminx, saħansitra anki l-Windows 98 u l-Office ta’ żmienu huma biżżejjed biex il-qarrej tal-provi jsib dak kollu li għandu bżonn biex jagħmel xogħlu (iva, anki l-fonts bil-Unicode). Imma l-ħajja teknoloġika mgħaġġla u ma tistenna ’l ħadd, u xi kultant ikollna bħal ħmir nimxu bil-pass li tiddettalna (jew aħjar li jiddettawlna l-kumpaniji l-kbar).

Għal ħafna snin darrejt lili nnifsi nikteb djarju ta’ kull kompjuter jew laptop li naħdem fuqu, speċjalment dawk li nkun xtrajt ġodda fjamanti jew li noqgħod nesperimenta bihom billi naqilbilhom l-operating systems jew inżidilhom jew innaqqsilhom il-hardware minn ġewwa jew minn barra. Għalhekk nikteb id-dati meta ninstalla xi programm ġdid, xi hard disk żejda jew inqabbad xi printer ġdid. Nikteb dettalji dwar kif jaħdem l-oġġett u kummenti speċjalment meta niltaqa’ ma’ xi problema u s-soluzzjoni tagħha. Għaldaqstant mhix problema kbira għalija li nikteb djarju dwar l-esperjenzi tiegħi fejn għandu x’jaqsam l-użu ta’ programmi tal-word processing (WP), desktop publishing (DTP), optical character recognition (OCR) u għodod oħra li jistgħu jgħinuni fl-ipproċessar ta’ dokument – affarijiet li llum jew għada se niġi bżonn bħala qarrej tal-provi. Għalhekk dan il-blog.

[M’iniex xi fanatiku tal-akronimi, imma ammetti: ma tħossokx ftit aktar professjonista meta tibda tfajjarhom bl-addoċċ...?]

Ma nistax inwiegħed li hawnhekk nistgħu insibu soluzzjoni għal kull problema li tista’ tinqalagħlek, imma se nippruvaw, imqar billi npartu xi ftit mill-ideat u mill-esperjenzi tagħna fil-qari tal-provi, speċjalment bl-użu tal-kompjuter u b’dak kollu li hu digitally cool illum. Għaldaqstant kull kumment f’dan il-każ merħba bih.

Se nkun qed nagħmilha ta’ moderatur għall-kummenti tagħkom, għalhekk tistennewx li l-posti li tibagħtu se jidhru mall-ewwel u awtomatikament. Dan mhux għax irrid niċċensura dak li tgħidu jew għax ma nkunx qed naqbel miegħu, imma għax nixtieq li fil-blog tidher biss posta li għandha x’taqsam mat-teknoloġija, għodod elettroniċi tal-kitba u tal-pubblikazzjoni, kif ukoll naturalment kitba u qari tal-provi ta’ dokumenti - kollu marbut mal-Malti u l-iżvilupp tal-lingwa. Nitlob lill-qarrejja ma jidħlux f’argumenti oħrajn. Fejn ikun hemm problemi strettament ortografiċi u lingwistiċi, għal dak hemm il-Grupp tal-Google tal-Qari tal-Provi, li huwa eċċellenti fih innifsu u li ma nixtieq bl-ebda mod nisraq il-funzjoni tiegħu.

Kif tistgħu taraw fuq il-lemin għandkom lista ta’ kategoriji biex tkunu tistgħu taċċessaw malajr posta ddedikata għal dak is-suġġett jew argument partikolari. Din il-lista se titwal maż-żmien. Jekk tkunu tridu tiddiskutu xi kategorija partikolari li mhix fil-lista tistgħu tibagħtu kumment ma’ waħda mill-posti separati. Jekk nara li jkun hemm xewqa ġenerali għal dan is-suġġett jew jidhirli li jixraqlu li nżiduh indaħħlu f’kategorija għalih.

Ma nistax inwiegħed li nżid posti regolari f’dan il-blog minħabba impenji oħra. Jekk tkun trid li tiġi mgħarraf meta nżid xi posta jew isir xi kumment dwar waħda mill-kategoriji, inżel taħt nett ta’ din il-posta u kklikkja l-ħolqa No comments. Se titfaċċa l-kaxxa fejn tista’ tittajpja l-kumment tiegħek. Għalissa tista’ jekk trid ma tikkummenta xejn, iżda kklikkja l-ħolqa Subscribe by email. Min issa ’l quddiem tibda tirċievi messaġġ fl-indirizz elettroniku tiegħek kull meta titfaċċa posta ġdida.

U l-aħħar ħaġa: dan il-blog jinvolvi qarrejja tal-provi – mela jekk issibu xi żball ortografiku jew tal-pinna (virtwali), ibagħtu għiduli – m’iniex se niddejjaq!

Nittama li dan il-blog issibuh ta’ interess, għajnuna u ispirazzjoni.

No comments:

Post a Comment