Tuesday, February 26, 2013

Grazzi lill-ewwel ħames reġistranti!

Nixtieq nirringrazzja lill-ewwel ħamsa min-nies li rreġistraw għal dan il-blogg.

Bħalma kont wegħidt, nixtieq nibagħtilkom kopja tal-ktieb elettroniku tiegħi “Kif Toħloq eBook bil-Malti”. Dawn il-ħames reġistranti huma:

Joe Mizzi

Mary Rose Vella Haber

Victoria Cassar

Grazio Barbara

Steven Borg

Billi l-ktieb huwa f’format PDF, tkunu tistgħu tirċevuh direttament permezz tal-posta elettronika. Ibagħtuli posta elettronika fl-indirizz t’ hawn taħt biex inkun nista’ nibagħtilkom il-ktieb.

normancborg@gmail.com

Friday, February 22, 2013

Vidjolezzjoni Nru. 16: Kif toħloq macro fil-Word 2010

Għadha kif ħarġet is-sittax-il vidjolezzjoni fis-sensiela bbażata fuq il-kors tal-Għodod Elettroniċi.

F'din il-vidjolezzjoni naraw kif nistgħu, permezz tal-macros, nipprogrammaw il-Word biex jagħmlilna xogħol ripettittiv fuq id-dokumenti tagħna.

Ikklikkja hawn biex taqbeż dritt għas-sit ta YouTube.

Saturday, February 16, 2013

Għala dan il-blog?

Għall-erwieħ! Biċċa xogħol lesta. Ilek ħafna taħdem fuq dan id-dokument. Dortu fuq li dortu, u issa ċert mija fil-mija li huwa perfett. U fil-ħin ukoll! Kont wegħidt lill-klijent tiegħek li kellek tlestih sal-aħħar tax-xahar - u għada l-aħħar tax-xahar.

Mela, ħa nixegħlu l-laptop, intellgħu l-Word, u nagħtuh l-aħħar titwila għall-ġurament, qabel ma nibagħtuh lill-klijent bil-posta elettronika...

Il-Word tela’ sew... il-fajl qiegħed f’postu... nikklikkja fuqu...

Haw’ x’ġara? Id-dokument jidher f’postu, imma t-track changes fejn marru? Imma jiena ċert li kont għamilthom... naf bi żgur li kont għamilt saħansitra xi kummenti dwar xi frażijiet li dehruli strambi...

Tipprova tikkonvinċi ruħek li għadu ma wasalx il-mument li tippanikkja. Tipprova tiftakar x’kienu l-aħħar passi li għamilt. Tidħol fl-għażliet tat-Track Changes, biex tara biddiltx xi setting bi żball. Tipprova tiftakar x’kien semmielek dak l-imbierek waqt il-lezzjonijiet tal-kompjuter fil-kors tal-Qari tal-Provi – x’tista’ tagħmel f’din is-sitwazzjoni...

Għandek xi suspetti, imma għadek ma sibtx x’hemm ħażin. Bil-mod il-mod tibda tħoss il-fawra tiela’ għal rasek. Le, Ġuż, stenna ftit ieħor... tippanikkjax għalissa... (għalkemm forsi f’dan il-waqt tibda – skont il-karattru jew l-atteġġament tiegħek – jew tinvoka lill-qaddisin jew tibagħthom jixxejru.)

U fl-aħħar f’moħħok issa qed tibda tberren l-idea li forsi tlift ix-xogħol kollu u jkollok terġa’ tibda mill-bidu... Issa? B’inqas minn ġurnata qabel id-data tal-għeluq...?

Orrajt, Ġuż, tista’ tibda tippanikkja...!

Ma nafx kemm minnkom għaddew minn xi sitwazzjoni simili, imqar b’xi operazzjoni oħra fuq il-kompjuter jew il-laptop: xi taqliba ta’ fonts fid-dokument; stili ssettjati tajjeb ġurnata imma mħarbtin għal kollox l-għada; żball li għamilt bil-Find & Replace u li ma tistax treġġgħu lura; insomma, il-kompjuter biss għandu immaġinazzjoni tant fertili li jiġik bi problemi li qatt f’mitt sena ma tobsor li jistgħu jinqalgħu (jew forsi jiġi bihom għax m’għandux immaġinazzjoni?). Qisu bħallikieku hemm xi xitan żgħir jgħix qalb dawk iċ-ċippijiet u mikroċippijiet, il-ħin kollu ppreparat biex iħassarlek dak li tkun qed tagħmel.

[Għal dan il-blog iddeċidejt li nsejjaħlu Xitaninu (il-kelma gremlin għandi l-impressjoni li diġà użaha xi ħaddieħor, u nibża’ li jfittxuni għad-drittijiet tal-awtur). Niggarantilkom li se nerġgħu niltaqgħu miegħu.]

Dan il-blog jieħu spunt mill-kors dwar l-użu tal-għodod elettroniċi fil-qari tal-provi bil-Malti, kors imniedi mid-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Għaldaqstant jiena nittama li jinteressa lil dawk li huma – jew li darba kienu – studenti tal-kors, u li bħala qarrejja tal-provi qegħdin jagħmlu użu sħiħ ta’ dawn l-għodod fix-xogħol tagħhom. Naturalment, bħal kull ħaġ’ oħra elettronika jew mekkanika, mhux kollox dejjem jimxi ħarir, u jiena ċert li tistgħu tiltaqgħu ma’ problemi li nittama ssibu s-soluzzjoni tagħhom hawnhekk.

Madankollu nixtieq li dan il-blog iservi wkoll bħala għajn ta’ diskussjoni rigward it-teknoloġija in ġenerali, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-Malti. L-islien Malti għaddej minn ħafna tibdiliet interessanti – forsi f’xi każijiet ftit kontroversjali wkoll. Sadattant it-teknoloġija stess għaddejja minn tibdil rivoluzzjonarju li jaqtagħlek nifsek bil-pass mgħaġġel tiegħu. Għalhekk aħna li nagħmlu użu kemm mill-ilsien kif ukoll mit-teknoloġija ninsabu l-ħin kollu fil-qalba ta’ ċaqliq kontinwu taħt saqajna. Wasalt biex tħossok komdu tuża l-Word 2010, u bdejt tapprezza l-preġji tal-Windows 7? B’daqshekk? Arahom ġejjin l-Office 365/2013 u l-Windows 8! Erġ’ ibda tgħallem mill-bidu...

Naturalment dan ma jgħoddx għal kulħadd, u m’għandekx taħseb li biex taħdem sew trid bilfors taġġorna l-programmi u l-kompjuter li għandek. Fil-fatt, għalkemm forsi wieħed ma jemminx, saħansitra anki l-Windows 98 u l-Office ta’ żmienu huma biżżejjed biex il-qarrej tal-provi jsib dak kollu li għandu bżonn biex jagħmel xogħlu (iva, anki l-fonts bil-Unicode). Imma l-ħajja teknoloġika mgħaġġla u ma tistenna ’l ħadd, u xi kultant ikollna bħal ħmir nimxu bil-pass li tiddettalna (jew aħjar li jiddettawlna l-kumpaniji l-kbar).

Għal ħafna snin darrejt lili nnifsi nikteb djarju ta’ kull kompjuter jew laptop li naħdem fuqu, speċjalment dawk li nkun xtrajt ġodda fjamanti jew li noqgħod nesperimenta bihom billi naqilbilhom l-operating systems jew inżidilhom jew innaqqsilhom il-hardware minn ġewwa jew minn barra. Għalhekk nikteb id-dati meta ninstalla xi programm ġdid, xi hard disk żejda jew inqabbad xi printer ġdid. Nikteb dettalji dwar kif jaħdem l-oġġett u kummenti speċjalment meta niltaqa’ ma’ xi problema u s-soluzzjoni tagħha. Għaldaqstant mhix problema kbira għalija li nikteb djarju dwar l-esperjenzi tiegħi fejn għandu x’jaqsam l-użu ta’ programmi tal-word processing (WP), desktop publishing (DTP), optical character recognition (OCR) u għodod oħra li jistgħu jgħinuni fl-ipproċessar ta’ dokument – affarijiet li llum jew għada se niġi bżonn bħala qarrej tal-provi. Għalhekk dan il-blog.

[M’iniex xi fanatiku tal-akronimi, imma ammetti: ma tħossokx ftit aktar professjonista meta tibda tfajjarhom bl-addoċċ...?]

Ma nistax inwiegħed li hawnhekk nistgħu insibu soluzzjoni għal kull problema li tista’ tinqalagħlek, imma se nippruvaw, imqar billi npartu xi ftit mill-ideat u mill-esperjenzi tagħna fil-qari tal-provi, speċjalment bl-użu tal-kompjuter u b’dak kollu li hu digitally cool illum. Għaldaqstant kull kumment f’dan il-każ merħba bih.

Se nkun qed nagħmilha ta’ moderatur għall-kummenti tagħkom, għalhekk tistennewx li l-posti li tibagħtu se jidhru mall-ewwel u awtomatikament. Dan mhux għax irrid niċċensura dak li tgħidu jew għax ma nkunx qed naqbel miegħu, imma għax nixtieq li fil-blog tidher biss posta li għandha x’taqsam mat-teknoloġija, għodod elettroniċi tal-kitba u tal-pubblikazzjoni, kif ukoll naturalment kitba u qari tal-provi ta’ dokumenti - kollu marbut mal-Malti u l-iżvilupp tal-lingwa. Nitlob lill-qarrejja ma jidħlux f’argumenti oħrajn. Fejn ikun hemm problemi strettament ortografiċi u lingwistiċi, għal dak hemm il-Grupp tal-Google tal-Qari tal-Provi, li huwa eċċellenti fih innifsu u li ma nixtieq bl-ebda mod nisraq il-funzjoni tiegħu.

Kif tistgħu taraw fuq il-lemin għandkom lista ta’ kategoriji biex tkunu tistgħu taċċessaw malajr posta ddedikata għal dak is-suġġett jew argument partikolari. Din il-lista se titwal maż-żmien. Jekk tkunu tridu tiddiskutu xi kategorija partikolari li mhix fil-lista tistgħu tibagħtu kumment ma’ waħda mill-posti separati. Jekk nara li jkun hemm xewqa ġenerali għal dan is-suġġett jew jidhirli li jixraqlu li nżiduh indaħħlu f’kategorija għalih.

Ma nistax inwiegħed li nżid posti regolari f’dan il-blog minħabba impenji oħra. Jekk tkun trid li tiġi mgħarraf meta nżid xi posta jew isir xi kumment dwar waħda mill-kategoriji, inżel taħt nett ta’ din il-posta u kklikkja l-ħolqa No comments. Se titfaċċa l-kaxxa fejn tista’ tittajpja l-kumment tiegħek. Għalissa tista’ jekk trid ma tikkummenta xejn, iżda kklikkja l-ħolqa Subscribe by email. Min issa ’l quddiem tibda tirċievi messaġġ fl-indirizz elettroniku tiegħek kull meta titfaċċa posta ġdida.

U l-aħħar ħaġa: dan il-blog jinvolvi qarrejja tal-provi – mela jekk issibu xi żball ortografiku jew tal-pinna (virtwali), ibagħtu għiduli – m’iniex se niddejjaq!

Nittama li dan il-blog issibuh ta’ interess, għajnuna u ispirazzjoni.

Thursday, February 7, 2013

Oħloq Żigarella għall-Macros tal-Qari tal-Provi (1)


Meta rajt għall-ewwel darba r-Ribbon tal-Word 2007 (bil-Malti nsejħilha żigarella – jidhirli li toqgħod) ħallietni ftit perpless. Kont imdorri bil-menù tradizzjonali tal-Word XP (2003) u l-verżjonijiet ta’ qabilha, u bħas-soltu bdejt insalli malli rajt li għal darb’ oħra l-Microsoft qalbu d-dinja ta’ taħt fuq qabel ma tawni ċans nidra s-sistema ta’ qabel. U kien hemm ħafna xi ngħid dwar din l-imbierka żigarella – ħafna funzjonijiet favoriti issa kienu moħbijin xi mkien u mhux dejjem kien ikolli l-ħin nilgħab treasure hunt waqt li nkun qed nuża l-programm għax-xogħol f’ħin limitat (u ngħiduha kif inhi, il-Help mhux dejjem ikun daqstant helpful).

Naturalment maż-żmien bdejt nidra l-istramberiji tagħha, u l-preġji tagħha wkoll. Bħal kull ħaġ’ oħra, malli tużaha ta’ spiss tibda tara l-vantaġġi tagħha. Qalbi waqfet ftit sakemm stennejt il-ħruġ tal-verżjoni 2010, ħa nara l-Microsoft kinux se jerġgħu jaqilbu d-dinja. Imma le – kien jidher li ż-żigarella għandha għomor ftit itwal, u kienet se ddum ftit qabel ma jiskreppjawha biex idaħħlu xi ħaġa iktar cool.

Ħaġa sabiħa li l-Microsoft għamlet malli introduċiet iż-żigarella hija l-Quick Access Toolbar (m’iniex se noqgħod nittraduċi din għall-Malti – il-frażi hija kkumplikata wisq). Ftit li xejn nara nies jużaw il-potenzjal kollu tagħha, u forsi dan huwa tort tal-Microsoft stess. Meta tinstalla l-Word din it-toolbar taraha fuqnett fuq ix-xellug, fuq it-tabella ‘File’, bi ftit buttuniet biex taħżen il-fajl (il-buttuna forma ta’ disketta), l-Undo u ftit li xejn aktar. Dan għaliex l-għan huwa li tiddeċiedi inti liema buttuni trid tpoġġi fiha. Din it-toolbar tista’ timtela b’buttuni oħra san-naħa l-oħra tal-iskrin – imma ftit min-nies jafu dan.

Madankollu għandek ukoll il-faċilità li toħloq żigarelli sħaħ inti, u tpoġġi fihom dawk il-buttuni li tuża l-aktar. Prattikament, tista’ ddeffes fihom dak kollu li tuża ta’ spiss, u bejn it-toolbar u ż-żigarella li toħloq tista’ ssib kollox fuq skrin wieħed mingħajr ma jkollok bżonn taqbeż minn żigarella għal oħra – jekk għandek il-ħin u l-paċenzja tagħmilha.

Għalkemm skoprejt dawn il-faċilitajit maż-żmien – kważi aċċidentalment – ma tajtx kashom ħafna, u ġeneralment irranġajt billi nżid xi buttuni fit-toolbar (osservaw l-eżempju fl-istampa fil-bidu ta' din il-posta għal xi buttuni miżjudin). Biss xi ftit żmien ilu rrealizzajt li żigarella ġdida tkun komda biex niġbor flimkien l-għadd ta’ macros li ħloqt għax-xogħol tal-qari tal-provi. Bħalma tafu dawn il-macros tista’ taċċessahom billi tmur fuq View > Macros > View Macros. Minn hawn tikklikkja fuq il-macro li trid tuża u tikklikkja Run. Issa dan il-proċess jidhirli li huwa ftit twil. Ma nistgħux sempliċement nikklikkjaw fuq buttuna waħda (massimu tnejn), u l-macro tibda taħdem?

Hawnhekk jidħlu ż-żigarelli.

L-istudenti (kurrenti u bikrija) tal-kors jiftakru l-macros li tistgħu tniżżlu minn fuq is-sit tal-kors. Dawn irnexxieli noħolqilhom żigarella ta’ buttuni li tistgħu taraw fil-quċċata ta’ din il-posta. F’din is-sensiela ta’ posti se nispjega kif jista’ jsir dan. Naturalment se nkun qed nirreferi għal-Word 2010, imma suppost is-sistema ta’ żigarelli fil-Word 2007 għandha taħdem l-istess. Dan ma jistax isir fil-Word 2003 jew verżjonijiet ta’ qabel, però tista’ toħloq menù simili. Jekk ikun hawn min jixtieq jara kif issir fil-Word 2003, ibagħtu għiduli u nikteb posta fuq hekk.

Hawnhekk se jkollna xi ftit tbagħbis avvanzat, iżda xejn ikkumplikat ħafna. Biss tajjeb li nagħmlu lista tal-passi kollha li se nieħdu.

1.       Installa l-macros. Naturalment irid ikollok il-macros lesti fis-sistema biex tkun tista’ toħolqilhom iż-żigarella. M’iniex biħsiebni nuri kif f’din is-sensiela ta’ posti għax dan ix-xogħol ġie koprut fil-kors. Madankollu jekk ikun hemm talba ġenerali nispjega dan f’posta speċjali.

2.      Oħloq iż-żigarella l-ġdida u agħtiha isem. L-isem tagħha se tkun it-tabella li tidher fil-quċċata tat-tieqa tal-Word, qalb it-tabelli l-oħra, File, Home, Insert, eċċ. Inkunu nistgħu anki nagħżlu fejn se tidher fil-lista.

3.      Daħħal il-macros fiż-żigarella. Nidħlu fl-għażliet taż-żigarelli biex inkunu nistgħu ninkludu fiż-żigarella tagħna l-commands li nixtieqi (f’dan il-każ il-macros waħda waħda).

4.      Qassamhom fi gruppi separati, b’ismijiet għalihom. Bħal fil-każ taż-żigarelli l-oħra fl-Office nistgħu nqassmu l-macros fi gruppi għalihom, biex ikun aktar faċli nsibuhom.

5.      Oħloq ikona għall-buttuna ta’ kull macro. Kull macro jista’ jkollha l-buttuna tagħha kif ukoll frażi li tispjega l-funzjoni tagħha.

Fil-posta li jmiss f’din is-sensiela se nibda bit-tieni pass imniżżel hawn fuq. Għaldaqstant jekk int interessat li ssegwi l-proċedura imma għad m’għandekx il-macros installati, għandek ċans tagħmel dan issa bil-lest għat-tieni parti.

Billi tajt ftit mhux ħażin mill-ħin tiegħi għal uħud minn dawn il-macros, jiddispjaċini ngħid m’iniex biħsiebni nagħmilhom aċċessibbli għall-pubbliku in ġenerali. Għalkemm jinstabu għat-tniżżil fuq is-sit tal-kors tal-qari tal-provi, wieħed ikollu bżonn password biex iniżżilhom, li m’iniex se ninkludi hawn. Se tkun aċċessibbli biss għal min ikun irreġistrat fil-blog, u jkun jista’ jitlobhieli direttament permezz tal-indirizz elettroniku tiegħi.

Tuesday, February 5, 2013

Kif il-Find & Replace tgħinni nsib l-iżbalji

Min minnkom kien segwa l-lezzjonijiet tiegħi fil-kors tal-qari tal-provi jaf li nistgħu nużaw il-Find & Replace (F&R) mhux biss biex inbiddlu ittri jew kliem imma anki karattri speċjali bħan-nonbreaking hyphen. Billi n-nonbreaking hyphen huwa karattru speċjali u m’għandux tast għalih, fil-F&R ikollna ndaħħlu kodiċi għalih biex il-programm jifhem għal xiex qed nirreferu. Dan il-kodiċi huwa l-aċċent circumflex li jinsab fuq it-tast tan-numru sitta (^) u t-tilde (~). Għalhekk jekk inkun irrid lill-Word isibli nonbreaking hyphen fid-dokument, jew jaqlibli sing normali għal nonbreaking hyphen, irrid nittajpja ^~ fil-kaxxi tal-F&R.

Bħal dan il-kodiċi hemm kodiċi oħrajn li nistgħu nużaw fil-F&R, u aktar ’il quddiem biħsiebni nikteb posta fuq dawn biss. Għal din id-darba biżżejjed insemmi kodiċi ieħor li jien ta’ spiss insib bżonnu, speċjalment fl-ifformattjar ta’ dokument. Dan jissejjaħ il-paragraph mark, u s-simbolu tiegħu għall-F&R huwa ^p. Osservaw li l-kodiċi għal simboli jew karattri speċjali dejjem jibda bl-aċċent circumflex. Fil-każ tagħna hawnhekk importanti li nosservaw ukoll li din il-p hija żgħira, mhux kapitali.

Il-paragraph mark, bħalma tistgħu tobsru, jirreferi għat-tmiem ta’ paragrafu – jiġifieri meta nagħfas ENTER biex nispiċċa paragrafu u nibda ieħor. Kif diġà semmejt fil-posta l-oħra rigward id-dnubiet mejta tal-word processing, sfortunatamant ħafna nies għadhom jittajpjaw żewġ paragraph marks wara xulxin biex jifirdu paragrafu minn ieħor, u b’hekk fil-fatt ikunu qed joħolqu paragrafu żejjed, vojt, bejn il-paragrafi. Dan m’għandux isir, u għalhekk bħala qarrej tal-provi jkollok iddur id-dokument kollu biex tneħħihom.

Permezz tal-F&R u l-kodiċi ^p dan tista’ tagħmlu malajr, billi ddaħħal ^p^p fil-kaxxa tal-Find what fil-F&R u ddaħħal ^p waħda fir-Replace with. Naturalment l-affarijiet mhux dejjem ikunu daqshekk faċli, speċjalment jekk il-klijent tiegħek ikun ġidra fl-ittajpjar elettroniku, jagħmel żbalji ta’ fformattjar bl-addoċċ, u jħallilek ġungla sħiħa bla tarf ta’ xejn x’tirranġa. Imma llum m’iniex biħsiebni nitbaqbaq fuq dan.

Minflok se nħares lejn possibiltà kif din il-funzjoni tal-kodiċi flimkien mal-F&R jistgħu jaġevolaw ftit mix-xogħol tal-qarrej tal-provi, u forsi anki jnaqqsulek l-iżbalji f’xogħlok.

--oooOOOOooo--

Qarrej tal-provi ġeneralment jaqra dokument ħafna aktar minn darba. L-ewwel darba jieħu l-idea ġenerali tal-argument, u wara jibda jiffoka fuq it-tifsila tiegħu, fuq l-ortografija, il-punteġġatura, eċċ.

Waħda mill-isfidi li qarrej tal-provi jista’ jsib hija d-distrazzjoni tat-test li jkun qiegħed jikkoreġi. Jekk wieħed ma joqgħodx attent jista’ jintilef fl-argumenti jew fl-istorja li jkunu ppreżentati fid-dokument, u minħabba f’hekk iħalli l-iżbalji ortografiċi u tal-forma jiskappawlu. Strateġija biex tevita dan hija li taqra d-dokument minn wara, ħalli b’hekk is-sens tal-kitba ma jfixklekx. Il-Word, permezz tal-F&R, jista’ jgħinek tuża strateġija oħra: ġiegħelu jaqliblek id-dokument kollu f’lista waħda twila ta’ kliem, b’kelma waħda f’kull vers. B’dan il-mod tkun tista’ tħares lejn kull kelma separatament mill-kuntest, u jkun aktar faċli tilmaħ xi ħaġa mhux f’postha. Naturalment, dan huwa stadju wieħed biss mill-proċess sħiħ. Fi stadji oħrajn ikollok bilfors tara l-kliem fil-kuntest biex tkun żgur li ma tfixkilx kelma ma’ oħra.

Ħa naraw kif, f’dan l-istadju, nista’ nuża l-Word biex jiffaċilitali x-xogħol.

ATTENT! Dan li se nagħmlu se jħarbat id-dokument għal kollox, għalhekk aħdem fuq KOPJA tad-dokument, MHUX l-oriġinali.

--oooOOOOooo--

Nagħmlu kopja tad-dokument biex naħdmu fuqha. Ftakar li f’din il-kopja se nqabbdu lill-Word jisseparalna l-kliem kollu fid-dokument, b’kull kelma f’vers għaliha.

Kull kelma hija magħżula fil-Word permezz tal-ispazji li hemm madwarha. Mela jekk nużaw il-F&R biex naqilbu kull spazju f’paragraph mark, kull kelma issa se tiġi f’vers għaliha. Għalhekk l-ewwel biċċa xogħol għandha tkun faċli:

  • Iftaħ it-tieqa tal-F&R.
  • Fil-Find what ittajpja spazju (kun ċert li jkun wieħed waħdu, għax ma jidhirx).
  • Fir-Replace with ittajpja l-kodiċi għal pragraph mark: ^p (mhux kapitali).
  • Ikklikkja Replace all.
Issa suppost għandek lista twila ta’ kliem, kollha f’vers għalihom.

Hawnhekk aħna ma jimpurtaniex mis-sens tal-kliem, għalhekk nistgħu nimxu pass ieħor biex ix-xogħol isir eħfef – jiġifieri biex insibu żbalji u diskrepanzi fl-ortografija aktar malajr: impoġġu l-lista f’ordni alfabetiku...

  • Nagħżlu Home > Select > Select all biex nagħżel il-lista sħiħa.
  • Mill-istess żigarella tal-Home immur Paragraph u nagħżel il-buttuna Sort (dik li għandha ittra A fuq ittra Z bi vleġġa ppuntata ’l isfel fuq il-lemin tagħhom).
  • Se titfaċċa t-tieqa Sort Text b’ħafna għażliet. Ħalli l-għażliet li hemm.
  • Ikklikkja OK.
B’hekk se jkollok il-lista skont l-alfabett. Jekk kellek xi paragrafi vojta fil-bejniet, jew numri u dati, dawn se jidhrulek fil-bidu tal-lista. Tagħtix kashom.

Issa tista’ tara l-lista bil-mod. Se tara li jkun aktar faċli tħares lejn il-kliem b’mod oġġettiv, u jekk qalb tużżana ‘maktur’ ikun hemm waħda ‘matkur’, din se taqbeż aktar malajr mill-paġna u taqbadha żgur.

Kollox sew. Issa x’nagħmel? Kif se nerġa’ nġib id-dokument kif kien biex ngħaddih lill-klijent? Dan żgur mhux se nibgħatulu lura hekk!

Dan id-dokument se tħallih kif inhu. M’għandekx għalfejn terġa’ taqilbu kif kien oriġinarjament. Tiftakar li konna għamilna kopja u konna warrabna l-kopja l-oħra, hux hekk? Tgħidlix li nsejt tagħmel hekk qabel ma bdejna dan il-proċess!

Mil-lista li ħoloqlok il-Word, immarka l-iżbalji. Issa iftaħ il-kopja oriġinali tad-dokument, u uża l-Find biex issib l-ortografija l-ħażina. Il-Word se jqabbżek mall-ewwel fejn hemm l-iżball. Ikkoreġi l-iżball fil-kopja l-oriġinali.

Jekk fil-lista għandek xi dubju dwar kelma – m’intix ċert fil-fatt hix tajba jew le – agħmel l-istess ħaġa: uża l-Find u ċċekkja l-kelma fil-kuntest tad-dokument.

Tassew li sakemm tagħmel din il-lista se tieħu ftit ħin, iżda maż-żmien se ssib li tiffrankalek ħafna xogħol u – aktar importanti – hemm aktar ċans li ma jaqbżulekx żbalji.

Nerġa’ nirrepeti, dan huwa stadju wieħed minn proċedura sħiħa li dokument għandu jgħaddi minnha waqt il-qari tal-provi. Fejn jidħol kliem bħal ‘min’ u ‘minn’, pereżempju, ikollok bilfors tara l-kuntest tad-dokument, u din il-lista f’dan il-każ mhix se tgħinek. Madankollu, b’dokument twil tista’ tiffrankalek ħafna ħin.

--oooOOOOooo--

Eżempju żgħir:
 
 Xellug: id-dokument oriġinali; Lemin: l-istess dokument irranġat f'lista alfabetika

Ikklikkja l-ħoloq hawn taħt biex tara eżempju ta’ paragrafu qasir, fil-forma ta' dokument oriġinali u bħala lista ta’ kliem separat. Iż-żewġ verżjonijiet għandhom l-istess żbalji. F’liema verżjoni tistgħu issibuhom aktar malajr? Kif tistgħu taraw il-lista qassamtha f’kolonni biex naħli inqas spazju fil-paġna.



--oooOOOOooo--

Xi ftit pariri oħra:

Ipprintja l-lista, għax aktar faċli taraha minn fuq karta milli minn fuq skrin.

Jekk ma tridx taħli ħafna karti u għandek dokument twil, qassam il-lista f’ħames jew sitt kolonni qabel ma tipprintja, ħalli ddaħħal aktar kliem f’paġna waħda.

Kif rajna hawn fuq użajna żewġ funzjonijiet differenti tal-Word, il-F&R u s-Sort. Din hija okkażjoni perfetta biex wieħed joħloq macro. Imma dik hija storja oħra. Nirrakkuntaha darb’ oħra...

Sunday, February 3, 2013

Mela, ħa nħarsu ftit wara l-kwinti...

Għal min hu interessat fil-mod kif qiegħed noħloq il-vidjolezzjonijiet għall-kors, hawn taħt hawn ftit tagħrif, mhux dettaljat ħafna, imma forsi biżżejjed għal min jixtieq jagħmel xi proġett simili.

L-ewwelnett se jkollok bżonn kont mal-YouTube. Dak huwa l-post fejn għandek ittella’ l-vidjos wara li tkun ħloqthom.

Il-Hardware

Xejn speċjali. Jien bħalissa qiegħed naħdem fuq PC bil-Windows 7, imma jekk għandek PC eqdem li jaħdem bil-Vista jew bl-XP, m’għandux ikollok problemi.

Mikrofonu minn dawk l-irħas huwa biżżejjed ukoll - m’għandekx bżonn xi apparat professjonali. Il-mikrofonu li għandi jien swieli €3.00. Huwa sensittiv biżżejjed biex jaqbad il-vuċi tiegħek minn ċerta distanza wkoll, u m’gandekx kumplikazzjonijiet kbar biex tqabbdu mal-kompjuter.

Software biex tirrekordja l-vidjo

Domt ftit sakemm sibt dak li xtaqt. L-iskop ewlieni tiegħi meta ħsibt biex nagħmel dawn il-vidjolezzjonijiet kien biex nesperimenta ftit ħalli niskopri x’kienu l-possibiltajiet. Għaldaqstant kont iddeċidejt mall-ewwel li ma mmurx għal programmi kummerċjali li jkolli nħallas għalihom.

Programmi kummerċjali bħall-Camtasia, li huwa x’aktarx l-aktar wieħed popolari f’dan il-qasam, joffrilek verżjoni bla ħlas, imma m’għandhiex kollox.

Webinaria Mill-banda l-oħra meta tfittex programmi freeware ma tistax tippretendi li se ssib il-faċilitajiet essenzjali ta’ programm kummerċjali. Wara li ppruvajt xi tlieta minn dawn iddeċidejt li nuża Webinaria. Dan il-programm mhux biss huwa b’xejn, imma għandu l-faċilitajiet kollha li għandi bżonn biex noħloq vidjos qosra. Barra minn hekk għandu faċilità żgħira, sempliċi, li fi programmi oħra (anki kummerċjali) ma sibthiex. Waħda mill-iskopijiet ta’ screencast (hekk jissejħu bl-Ingliż vidjos dwar l-operazzjonijiet fuq skrin ta’ kompjuter) hi li appuntu turik x’ikun qed jiġri fuq l-iskrin. Għaldaqstant jien inkun irrid skrin nadif, mingħajr ħafna mbarazz, biex nuri biss dak li nkun qiegħed nispjega fuqu. Ħafna programmi jħallulek tieqa (kbira jew żgħira) għaddejja waqt li tkun qed tirrekordja. Webinaria ma jagħmilx dan. Tista’ tissettjah biex malli tibda tirrekordja, it-tieqa tiegħu titlaq għal kollox, u jkollok biss ikona żgħira animata fuq il-lemin tat-Taskbar, isfel nett.

Vantaġġ ieħor hu li Webinaria juża l-hot keys biex tibda tirrekordja, tieqaf għal ftit jew twaqqaf għal kollox l-irrekordjar (eż. WINDOWS + ALT + R biex tibda tirrekordja), mingħajr ma jkollok għalfejn tiftaħ twieqi żejda u tikklikkja fuq l-iskrin. Fi kliem ieħor, ix-xogħol ta’ ‘wara l-kwinti’ li tkun qed tagħmel bil-Webinaria mhux se jidher fil-vidjo li tkun ħloqt.

Il-formati li bihom tkun trid taħżen il-vidjo tiegħek huma importanti wkoll. Webinaria jagħtik xi ftit għażliet, imma l-format l-aktar komuni li jipprovdi, l-AVI, huwa biżżejjed.

Kif għedna, l-operazzjoni tiegħu hija sempliċi ħafna. Issettja l-format li trid u l-kobor tal-iskrin (tista’ jekk trid tirrekordja l-iskrin kollu, jew tieqa waħda biss, jew sezzjoni partikolari tal-iskrin), iċċekkja li l-apparat (il-mikrofonu) huwa mqabbad u Webinaria qed jagħrfu, u ibda rrekordja. Tista’ tissettja wkoll fejn fuq il-hard disk tkun trid li Webinaria jaħżinlek il-fajl malli jirrekordjah.

L-użu ta’ Webinaria biex jirrekordjalek il-vidjo huwa biss l-ewwel pass. Wara dan ikollok bżonn teditja l-vidjo. Fil-fatt Webinaria huwa fornut b’editur fih innifsu. Imma huwa ftit limitat, u meta ppruvajtu b’xi formati (pereżempju l-FLV) ma ħadimx sew. Jista’ jkun li mhux tort tiegħu, imma tort tat-taħlita ta’ settings li għandi fuq il-kompjuter tiegħi. Imma xorta waħda nħoss li mhux ta’ min joqgħod fuqu.

Software biex teditja l-vidjo

VirtualDub Għal dan hemm programm ieħor li huwa freeware u li huwa popolari ħafna: VirtualDub. Malli jkollok il-vidjo lest, tellgħu f’VirtualDub u tkun tista’ tmexxieh stampa stampa. Fejn għandek parti mill-vidjo ħażina tista’ tagħżilha u ttajjarha barra. VirtualDub jerġa’ jaħżinlek il-fajl editjat, fil-format AVI. VirtualDub jista’ jagħmel ħafna aktar minn hekk u għadni qed nesplora ħafna mill-funzjonijiet tiegħu.

Software biex taqleb il-format

SUPER media file converter Għalkemm tista’ tuża l-format AVI biex ittella’ vidjo fuq YouTube, dan il-format jieħu ħafna spazju (u ħin biex ittellgħu) u mhux prattiku. Format ideali ħafna (u l-favorit ta’ YouTube) huwa l-FLV. Minħabba n-nuqqasijiet tal-programmi l-oħra (FLV ma ħadimlix sew fuq Webinaria u l-format mhux rikonoxxut minn VirtualDub) ikollna nirrikorru għal programm ieħor biex jaqlibli l-fajl minn AVI għal FLV. Programm ieħor freeware li jagħmel dan tajjeb ħafna huwa SUPER li (skont il-programmaturi tiegħu) jista’ jaqleb kull format għal kull format ieħor. Nista’ ngħid li bil-formati li ppruvajtu jien dejjem ħadem tajjeb ħafna. Il-fajl li joħloq huwa ħafna iżgħar mill-AVI oriġinali, imma huwa tajjeb xorta waħda.

--oooOOOOooo--

Bil-fajl maħluq minn SUPER lest, tista’ tmur fuq YouTube u ttellgħu. M’iniex bi ħsiebni noqgħod nispjega hawn il-proċedura biex ittella’ l-fajl u ddaħħal l-informazzjoni neċessarja – dak nagħmlu f’posta oħra fil-ġejjieni. Biss kif wieħed jista’ jara, proġetti żgħar, mhux ambizzjużi ħafna, jistgħu jsiru faċilment bi programmi freeware.

Nixtieq xi darba noħloq vidjos għal sistemi operattivi (SO) oħra, speċjalment xi SO tal-Linux bħall-Ubuntu, u forsi xi ħaġa għall-OS X tal-Apple Macs. Dawn tal-aħħar m’iniex midħla tagħhom ħafna, u meta tikkunsidra l-attitudni kummerċjali għolja li hemm madwar kull ħaġa li hija Apple, m’għandekx ċans issib xi software freeware għal dawn l-iskopijiet. Biss, jekk hemm xi ħadd li jaf mod ieħor napprezza t-tagħrif li tagħtuni. Rigward il-Linux u l-Ubuntu, hemm ċans ikbar li ssib xi ħaġa b’xejn, imma sfortunatament, meta tqis li OS bħall-Ubuntu tiftaħar li tista’ tagħmel kollox bħal Windows b’xejn u forsi anki aħjar, kont ftit iddiżappuntat b’dak li għandhom x’joffru bħala software għal dan ix-xogħol.

Għaldaqstant għalissa biħsiebni nikkonċentra biss fuq kompjuters bil-Windows.

Post, Powst jew Posta?

It-terminoloġija teknika fil-Malti hija waħda mis-suġġetti li l-aktar jaħarqu bħalissa.

Kif semmejt fl-introduzzjoni ta’ dan il-blog, kemm ix-xena teknoloġika kif ukoll l-ilsien Malti għaddejjin minn żmien ta’ bidla liema bħalha, żmien interessanti, żmien eċċitanti u żmien ta’ ftit taħbil il-moħħ ukoll. U ma jonqosx li jkun hemm polemiki dwar kif l-aħjar tuża ċerti termini tekniċi li mhumiex ġodda fil-Malti biss iżda saħansitra fl-Ingliż ukoll, meta tqis li bdew jidhru biss f’dawn l-aħħar snin u hemm minnhom li għad iridu jiġu aċċettati fid-dizzjunarji l-aktar stabbiliti tal-Ingliż.

Post mhix waħda minnhom, naturalment. Imma għall-Malti tista’ tkun problema – bħalma qed jiġri bi kliem modern ieħor.

Meta ġejt biex nagħmel il-blog, sibt quddiem wiċċi t-termini post użat biex jiddeskrivi kitba, twila jew qasira, mill-awtur tal-blog. It-tweġibiet għall-post li jagħmlu l-qarrejja tal-blog umbagħad insejħulhom il-comments. Naħseb li f’dan il-każ kollha naqblu li kummenti għandha tkun tajba biżżejjed.

Imma xi ngħidu dwar post?

Meta nqisu li blog mhu xejn għajr web log imqassra – jiġifieri speċi ta’ djarju fuq l-internet, nistgħu nqisu post bħala ‘entratura’ fi djarju, li naħseb li hija l-eqreb eżempju ta’ ħaġa tradizzjonali li tixbah din l-għamla ta’ kitba moderna. Imma ‘entratura’ ma ddoqqlix ħafna. Naraha ftit twila wkoll. U x’inhi l-azzjoni? – tentra? entrajt messaġġ fuq il-blog?

Fl-istess ħin ma nħossx li għandi nibqa’ bil-kelma oriġinali Ingliża post, għax jekk nuża lilha tiġi tixbah wisq il-kelma ‘post’ Maltija li tirreferi għal ‘lok’. U ngħiduha kif inhi, iż-żewġ kelmiet għandhom pronunzja differenti wkoll. Mela x’nagħmlu? Nużaw il-kelma Ingliża fonetikament, u nibdew ngħidu ‘powst’? – nippowstja? ippowstjajt messaġġ fuq il-blog?

Ippruvajt inħares lejn is-sitwazzjoni minn angolu ieħor. Il-kelma Ingliża fil-fatt tirreferi għal meta wieħed jibgħat xi ħaġa bil-posta – to post a letter. L-analoġija użata fil-blogs meħuda minn hemm. Fil-Malti diġà għandna xi ħaġa simili: timposta, posta...

Inħoss li din hija aktar naturali. Qabelxejn hija termini li diġà teżisti fl-ilsien u f’ħalq il-Malti. M’hemmx bżonn tqanżiħ żejjed biex wieħed jibda jużaha b’mod naturali jew istintivament. Barra minn hekk hija wkoll qrib biżżejjed għat-tifsira u l-funzjoni tal-ħaġa.

Għaldaqstant jien inħoss li għandi nuża din it-termini biex nirreferi għall-posta li qed nikteb bħal issa. Il-verb naħseb li jiġi waħdu: timposta l-kitba tiegħek fuq il-blog.

Xi ngħidu għall-plural? Naturalment ‘postijiet’ hawnhekk ma naħsibx li hija f’lokha. Nissuġġerixxi posti.

X’taħsbu?

L-AutoCorrect u l-ortografija l-ġdida Maltija


Fit-tieni vidjolezzjoni dwar l-AutoCorrectfil-Word 2010 issuġġerejt mod kif tuża l-AutoCorrect biex taqleb għall-ortografija l-ġdida dawk id-dokumenti li jaslulek mingħand il-klijent bl-ortografija l-qadima, jew għax l-awtur ikun għadu mhux mgħarraf biha jew sempliċement għax imdorri bl-ortografija l-qadima u sempliċement m’għandux iċ-ċans joqgħod jiċċekkja xi tbiddel u x’ma tbiddilx.

Ta’ min iżomm f’moħħu bħala qarrej tal-provi li għad hemm polemiki dwar l-ortografija kif ħarġet fid-dokument It-Triq Lejn Deċiżjonijiet 1, u jista’ jkollok klijent li sempliċement ma jaqbilx mal-ortografija l-ġdida.

Id-dokument Deċiżjonijiet huwa issa dokument legali, u għaldaqstant wieħed għandu jimxi fuqu, jaqbel jew ma jaqbilx. Bħala qarrej tal-provi għandek tiċċara din is-sitwazzjoni mal-klijent tiegħek, speċjalment jekk id-dokument li qed taħdem fuqu se jiġi ppubblikat.