Thursday, January 31, 2013

Id-Dnubiet mejta tal-word processing

L-Ingliż jgħid ignorance is bliss, u xi kultant ngħir għal min hu – ħalli ma ngħidx injorant – imma għall-inqas ftit inqas infurmat minni. Illum il-ġurnata, permezz ta’ din it-teknoloġija li tinsab kullimkien, u permezz tal-programmi li jiffaċilitawlek prattikament kollox, kulħadd isir espert ta’ kollox f’qasir żmien. Darba kien hemm it-tajpisti kwalifikati li kellhom stħarriġ riġidu ta’ kif tittajpja ittra jew dokument. Illum, permezz tal-word processors u xejn inqas il-blogs fuq l-Internet, kulħadd sar tajpista – x’jien ngħid? – Kulħadd sar kittieb. Imma mhux se noqgħod nidħol fil-mertu ta’ din tal-aħħar. Dan il-blog wara kollox jirrigwarda l-produzzjoni u l-preżentazzjoni ta’ dokumenti, aktar milli l-kreattività.

Din il-faċilità li prattikament iddemokratizzat il-kitba hija sabiħa fiha nnifisha iżda wieħed ma jistax jonqos milli jinkwieta fl-istess ħin, għax din l-istess demokrazija poġġiet f’idejn dik il-persuna ‘inqas infurmata’ ċ-ċans li timmassakra dak li hu rregolat, studjat u mirqum. Forsi dan nistgħu nqisuh bħala l-prezz tal-progress, u jidher f’ħafna aspetti tal-ħajja.

Xejn inqas fil-word processing.

Snieni jibdew jiddarrsu meta nħares lejn dokument ittajpjat b’word processor fejn ir-regoli tal-ittajpjar huma kompletament ikkalpestati, mgħaffġin taħt is-saqajn. Għalhekk attenti, għax sakemm qed nikteb din il-posta se nkun kemxejn IRRABJAT.

Barra mill-fatt li dawn huma kollha uġigħ ENORMI ta’ ras għal qarrej tal-provi li jkollu jirranġahom, iħarbtu għal kollox id-dehra ta’ dokument speċjalment meta tiġi biex tbiddel xi ħaġa fil-format, bħal ngħidu aħna d-daqs tal-paġna jew saħansitra t-tipa jew id-daqs tagħha. Malli tagħmel waħda minn dawn, id-dehra tad-dokument se tinbidel għal kollox, u dak li għal għajnejk kien qed jidher perfett f’salt se jikxiflek l-iżbalji kollha li tkun għamilt (u li se jkollok tikkoreġi bħal ħmar).

Mela ħa nibdew...

L-Ewwel dagħdigħa: użu bla kuxjenza tal-ispazju u t-tab
Ħafna jaħsbu li dik l-imbierka space bar qiegħda hemm biex issolvi l-problemi kollha tal-pożizzjoni tal-kliem fuq il-paġna. Għax mhumiex konxji tal-faċilitajiet l-oħra tal-word processor (speċjalment dawk li huma ġodda u li ma kontx issibhom fuq typewriter tradizzjonali), dawn jaħsbu li jistgħu jgħadduha lixxa billi jittajpjaw ħafna spazji. Fejn?

Eżempji tipiċi ta’ dan id-dnub:
  • Ittajpja ftit spazji fil-bidu biex tindenta l-ewwel vers ta’ paragrafu;
  • Poġġi żewġ spazji wara l-punt jew punteġġatura oħra (din ereditajnieha mir-regoli tal-ittajpjar tradizzjonali);
  • (Din kbira!) Ressaq kelma jew frażi lejn iċ-ċentru tal-paġna (skont kif tidher f’għajnejk!) billi ddeffes ħafna spazji quddiem;
  • (Agħar minn hekk!) Xaqleb kelma jew vers lejn il-lemin tal-paġna billi ddeffes l-ispazji;
  • Ittajpja ħafna spazji biex tpoġġi (bejn wieħed u ieħor!) kliem jew numri taħt xulxin f’xi lista jew tabella.
Issa, ħafna nies oħra minflok l-ispazju jużaw it-tab għall-istess skopijiet, speċjalment fejn jidħlu l-indenzjoni tal-ewwel vers, l-iċċentrar ta’ titli jew ix-xaqlib fuq il-lemin għall-paġinazzjoni.

Għal dawn kollha hemm funzjonijiet fl-ittajpjar elettroniku li barra milli jaħdmu perfettament, jagħtu lid-dokument xejra professjonali u jeħilsu lilek jew lil dak l-imsejken li jkollu jikkoreġi xogħlok minn ħafna tqattigħ ta’ xagħar u forsi anki minn xi kelma ħażina.


Idealment kull soluzzjoni li se nagħti hawn jixirqilha posta għaliha, imma għal issa se nsemmihom biss u nagħti ftit tagħrif dwarhom. Aktar ’il quddiem forsi nitkellem fuqhom f’aktar dettall.

Indenzjoni tal-paragrafu: Uża l-istili tal-word processor biex tissettja l-indenzjoni awtomatikament. Fuq il-Word 2010 mur fuq Home > Paragraph > Indents and Spacing > Special > First Line (għal paragrafu wieħed). Jekk tmur fuq l-istil Normal > Modify > Format > Paragraph eċċ din issir awtomatikament kull meta tibda paragrafu ġdid.

Żewġ spazji wara l-punteġġatura: Sempliċement neħħi l-vizzju! Fi żmien it-typewriters dan kien isir biex jidher ċar fejn tispiċċa sentenza u tibda oħra. Dan m’għadx hemm bżonnu fl-era teknoloġika għax il-programm jieħu ħsiebha waħdu. Fil-fatt anki meta tittajpja spazju wieħed biss wara punt, u marki ta’ mistoqsija jew esklamazzjoni, il-Word waħdu jdaħħal awtomatikament spazju u nofs (għall-inqas hekk kont qrajt xi mkien).

Xaqlib lejn iċ-ċentru jew il-lemin tal-paġna: Hemm il-buttuni Center text u Align text right f’gieħ l-istilel! ’Qas li ma jidhrux fuq iż-żigarella tal-Home qalb l-għażliet tal-Paragraph! [Għidtilkom li jien ftit irrabjat.]

Listi u tabelli: Hemm il-funzjoni tat-Table apposta għalhekk. Mingħajr din QATT m’int se tissettja listi ta’ numri u kliem f’ordni pulita - tistenniex mirakli. Trid ftit żmien biex tidra kif timmaniġġa t-tables fil-Word, imma niggarantilek li fl-aħħar mill-aħħar se ssibhom ħafna iktar utli milli jkollok toqgħod tilgħab u tirranġa bl-ispazji u t-tabs. Emminni.

It-Tieni dagħdigħa: Vrus żejda (ENTER)
It-tast tal-ENTER huwa favorit ieħor speċjalment ma’ dawk li jkunu jridu l-paragrafi ta’ dokument jidhru mifrudin. Dan m’hemm xejn ħażin fih innifsu, imma – l-istess – irridu nagħmluh mod sewwa.

Ħa nħarsu lejn ftit teorija ta’ kif jaħdem word processor. Malli tagħfas it-tast ENTER tkun qiegħed tagħti istruzzjoni lill-programm biex ‘jagħlaq’ paragrafu u ‘jiftaħ’ ieħor. Mela għall-programm l-ENTER ma tfissirx vers ġdid imma paragrafu ġdid. Fi kliem ieħor, meta tagħfas ENTER darbtejn biex mingħalik qed tifred il-paragrafi tkun fil-fatt qiegħed toħloq paragrafu żejjed vojt bejn żewġ paragrafi bil-kliem. Forsi għalik din ma tagħmilx differenza, imma għall-istampatur tista’ tfisser ħafna meta jkun qiegħed jirranġa l-format tad-dokument.

Allura x’nagħmel biex nevita l-iżball?

L-istess bħall-indenzjoni ta’ paragrafu, ikollok tissettja l-istil tal-paragrafu, billi tmur fuq Normal > Modify > Format > Paragraph u tirranġa Space After. Ġeneralment 10pt jew 12pt għandu jkun biżżejjed. Dan joħloq awtomatikament spazju żejjed malli inti tagħfas l-ENTER, u b’hekk il-paragrafu ta’ wara ma jibqax ikkakkmat ma’ dak ta’ qablu. U M’GĦANDEKX BŻONN TAGĦFAS ENTER ŻEJDA INT, ORRAJT?

Hekk, mela.

It-Tielet dagħdigħa: Żewġ virgoletti singli minflok waħda doppja
Din kbira! L-ewwel darba li rajtha ma kontx naf ninfaqagħx nidħaq jew ninfexx nibki! Hawnhekk ikollna nħallu l-matematika warajna, nies, għax żewġ virgoletti singli (jew, ngħiduha kif inhi, żewġ apostrofi wara xulxin) MA JAGĦMLUX virgoletta doppja.

Bħal fil-każijiet żbaljati l-oħra dan forsi jidher xorta, speċjalment jekk jintużaw il-virgoletti dritti, imma meta niġu għall-ifformattjar tad-dokument jistgħu iħarbtu kollox jekk ma nużawhomx sew.

Umbagħad naturalment hemm il-kwistjoni tal-virgoletti ‘intelliġenti’ (smart quotes) [*], fejn għandna waħda mill-par imdawra lejn il-lemin (qed tiftaħ) u l-oħra mdawra lejn ix-xellug (qed tagħlaq). Jekk tittajpja żewġ virgoletti singli biex jidhru virgoletta doppja qed tiftaħ jew tagħlaq, l-effett mhux se jidher tajjeb.

[*Niggustahom lill-Ingliżi u ’ll-Amerikani; kemm iħobbu jużaw it-termini ‘smart’ għal programm awtomatizzat li qiegħed sempliċement jimxi mal-istruzzjonijiet mingħajr ma jaf x’iż-żikkola qed jagħmel jew għaliex...]

Mela ħa nagħmluha ċara darb’ għal dejjem. Hemm il-virgoletti doppji u l-apostrofu. Xi kultant l-istess tast tal-apostrofu jintuża biex nużaw virgoletti singli.

Żommli idi u ejja miegħi ħa nieħdok pass pass u nurik x’qed ngħid...

Mela, qegħdin fl-ewwel filliera ta’ tasti fuq it-tastiera tal-kompjuter tagħna. Bdejna mixjin mix-xellug. Ara, waqafna fuq it-tast tan-numru TNEJN. Qed tarahom dawk iż-żewġ sinjali żgħar fuq rasu? Dawk huma l-VIRGOLETTI DOPPJI.

Issa, ħa ninżlu żewġ fillieri fuq it-tastiera, u nimxu san-naħħa l-oħra, fuq ix-xellug. Ħa nieqfu fuq it-tast ta’ dak is-simbolu ħelu, dak li t-Taljani jqabblu ma’ qoxra ta’ arzella u l-Ingliżi jsejħulu at, qed tarah? Iva, dak li nużaw fl-indirizzi elettroniċi. Qed tara s-sinjal ċkejken taħtu? Dak huwa l-APOSTROFU (u f’ġieħ l-istilel tħawdux mal-koma - dik qiegħda filliera aktar ’l isfel fit-tastiera).

Nispera li ftehimna.

Ir-Raba dagħdigħa: paġinazzjoni manwali (!)
Nammetti li din ma tidhirx ta’ spiss, imma xi kultant għandha l-ħabta tfeġġ ukoll.

Fil-word processing modern hemm il-funżjonijiet tal-fields. Dawn huma funzjonijiet dinamiċi, jiġifieri jikkalkulaw l-informazzjoni dak il-waqt skont fejn tkun fid-dokument. Jekk fil-headers jew footers ta’ dokument tittajpja “1” bħala n-numru tal-ewwel paġna, dan se jirrepeti ruħu fil-paġni l-oħra kollha, u se jkollok in-numru wieħed “1” f'kull paġna, minflok in-numri proprja.

Biex in-numru tal-paġna jkun aġġornat skont il-pożizzjoni tal-paġna fid-dokument, uża Insert Page Number. Din tbiddillek in-numru f’kull paġna awtomatikament, u taġġornah waħedha kull meta żżid jew tnaqqas it-tul tad-dokument.

--oooOOOOooo--

Għall-erwieħ. Issa li neħħejt dak kollu minn fuq l-istonku, nista’ mmur nieħu belgħa kafè...