Sunday, December 29, 2013

Il-Ġabra

Waħda mill-problemi li qarrej tal-provi jista’ jkollu tkun meta ma jkunx ċert dwar il-konjugazzjoni ta’ verb partikolari. Minħabba l-inflessjonijiet differenti li jkun hemm wieħed jista’ jiġi fid-dubju dwar fejn taqa’ akka jew għajn xi mkien f’kelma.

Dizzjunarju mhux dejjem se jsolvi din il-problema, u ftit li xejn hawn kotba li jaħdmulek l-inlfessjonijiet kollha possibbli li jistgħu jinqalgħu minn verb (hemm minnhom li għandhom eluf).

John J. Camilleri ħoloq programm elettroniku li jista’ jagħmel dan. Għalkemm il-proġett għadu mhux komplut, diġà jħaddan fih eluf ta’ kliem, fosthom verbi, li l-inlfessjonijiet tagħhom huma ġġenerati awtomatikament mill-kompjuter – naturalment skont ħażna ta’ informazzjoni dwar kif jaħdmu l-konjugazzjonijiet partikolari.

Il-programm jismu Il-Ġabra, u jagħmel parti minn proġett aktar ambizzjuż, il-Maltese Language Resource Server (MLRS), xogħol tal-Istitut Lingwistiku u tad-Dipartiment tal-ICS (Intelligent Computer Systems) tal-Università ta’ Malta.

Il-ħolqa għas-sit hija din: 

Hawn taħt nistgħu naraw eżempju ta’ kif Il-Ġabra tista’ tgħin lill-qarrej tal-provi. Nagħmlu mod li għandek dubju dwar l‑ortografija tal‑kelma kissirhieli.

1.      Idħol fis-sit tal-Ġabra. M’għandekx għalfejn tirreġistra.
2.     Fil-kaxxa tas-Search daħħal il-verb: kisser
3.     Osserva li għandek il-buttuni biex iddaħħal l-ittri Maltin. Dawn qegħdin għal min m’għandux il-Malti nstallat fis-sistema operattiva u l-browser tal-internet mhux issettjat għall-UTF-8/16.


4.     Ikklikkja l-buttuna Search.
5.     Se jitilgħu l-ewwel ftit riżultati. Fil-każ tagħna jurik li hemm 429 każ ieħor. Ikklikkja more matches biex tara l-lista sħiħa.


6.     Issa biex insibu l-kelma li rridu eżatt hemm bżonn inkunu nafu l-elementi kollha tagħha. Fil-każ tagħna huma dawn:
                  Kissirli l-karozza = Kisser il-karozza lili =
                  >Kisser - it-tielet persuna singular maskil pożittiv
                  >il-karozza - it-tielet persuna femminil singular
                  >lil
                  >(jiena) - l-ewwel persuna singular
7.     Dawn għandna bżonn nidentifikawhom sew biex il-Ġabra juża sistema ta’ eliminazzjoni, sakemm jasal għall-kelma waħda li tinteressana.
8.     Fis-sezzjoni tal-Word forms nibdew indaħħlu l-elementi wieħed wieħed:
                  Aspect = Perf
                  Subject = P3 Sg Masc
                  Direct object = P3 Sg Fem
                  Indirect object = P1 Sg
                  Polarity = Pos
9.     Il-kelma li se tibqa’ hija kisserhieli


Kif wieħed jista’ jara l-programm għad għandu bżonn xi tiswijiet żgħar billi huwa awtomatizzat, u jista’ jkun ukoll li għad hemm xi każijiet ta’ kliem nieqes. Ix-xogħol fuqu għadu għaddej u għalkemm bħalissa għandu ħażna ta’ aktar minn 10,400 kelma, il-lista għadha qed tikber.

Minkejja dan huwa ċertament ta’ għajnuna kbira għal min jista’ jkollu xi dubju dwar ortografija jew il-konjugazzjoni ta’ xi verb.

Sunday, December 22, 2013

Kif nissejvja vidjolezzjoni minn fuq YouTube

Hemm min saqsieni kif ikun jista’ jaħżen il-vidjolezzjonijiet fuq il-kompjuter biex ma joqgħodx jitla’ kull darba fis-sit tal-YouTube.

Biex tkun tista’ tniżżel u taħżen (jew tissejvja) vidjo minn YouTube għandek bżonn programm li jkun jista’ jidentifika l-fajl tal-vidjo fuq il-paġna elettronika u minn hemm jikkupjah fuq il-hard disk tal-kompjuter.

Programm tajjeb ħafna għal dan huwa l-KeepVid. Fil-fatt, għalkemm tista’ tniżżlu bħala programm għalih, is-servizz, li huwa b’xejn, jista’ jintuża minn fuq is-sit innifsu.

(1) Iftaħ il-paġna tal-YouTube fejn jidher il-vidjo li trid taħżen.

(2) Fl-address bar għandu jidher l-indirizz tal-paġna YouTube. Agħżel (highlight) l-indirizz kollu, u bil-buttuna tal-lemin agħżel Copy.


(3) Waqt li l-vidjo ikun għaddej, iftaħ tieqa oħra fil-browser u ttajpja dan l-indirizz fl-address bar:


(4) Issa li għandek is-sit tal-KeepVid miftuħ, fejn muri daħħal l-indirizz tal-paġna YouTube billi tagħżel Paste.


(5) Ikklikkja l-buttuna Download.

(6) Agħti ftit ċans lil KeepVid jipprepara l-proċess. Dan jaħdem bil-Java, u jista’ jkollok bżonn tinstalla l-Java fuq il-kompjuter biex ikun jista’ jlesti l-operazzjoni. Meta jgħidlek, ikkonferma. Ikkonferma wkoll il-messaġġ li jistaqsik tridx tħaddem programmi mis-sit tal-KeepVid, u kklikkja Run.


(7) F’qasir żmien għandek issib lista ta’ formati differenti li fihom tista’ tniżżel il-fajl. Għall-aħjar kwalità nissuġġerixxi l-format MP4. Jekk għandek aktar minn MP4 wieħed x’tagħżel, agħżel dak li għandu l-akbar daqs (ġeneralment 720p). Ikklikkja fuqu.


(8) Tiftaħ it-tieqa biex tkun tista’ tagħżel fejn trid taħżen il-fajl.

Biex tara l-vidjos fuq il-kompjuter tiegħek tista’ tuża kemm il-Windows Media Player kif ukoll il-VLC Media Player. Hemm ħafna programmi oħra b’xejn li huma tajbin ukoll.

Saturday, December 14, 2013

Nonbreaking space

Meta nittajpjaw bil-Malti fuq il-kompjuter niġu bżonn ħafna drabi t-tast tal-‘minus’, li nużawh bħala s-sing ta’ bejn l-artiklu u l-kelma. Fil-kors tal-Qari tal-Provi konna rajna kif nistgħu nissettjaw il-Word b’tali mod li artiklu li jispiċċa f’tarf ta’ vers ma jibqax waħdu, imma jinżel awtomatikament fil-vers ta’ wara mal-kelma. Bħalma nafu dan jista’ jsir billi nużaw dak li jissejjaħ nonbreaking hyphen li minflok jifred il-kliem iżommhom flimkien.

Iżda forsi ftit jafu li bħan-nonbreaking hyphen hemm ukoll in-nonbreaking space. Dan jintuża meta tkun trid tħalli  kliem flimkien imma mingħajr sing jew hyphen bejniethom. Dan wieħed jiġi bżonnu meta, ngħidu aħna, tkun trid iżżomm flimkien isem u kunjom.

Bħan-nonbreaking hyphen, dan huwa simbolu speċjali li m’intix se ssibu kif ġieb u laħaq fuq it-tastiera, u l-proċedua biex tużah hija l-istess bħal dik tan-nonbreaking hyphen. Hawnhekk se nirreferi għall-Word 2010. Il-proċedura fit-2007 u t-2003 hija bejn wieħed u ieħor l-istess.
Ittajpja l-isem u l-kunjom tal-persuna bħas-soltu.


Agħżel (highlight) l-ispazju ta’ bejniethom. Dan l-ispazju huwa wieħed normali. Kieku qiegħed f’tarf ta’ vers il-kunjom jinżel fil-vers li jmiss, imma l-isem jibqa’ fuq. Qed nagħżlu l-ispazju għax irridu nbiddluh f’nonbreaking space, u b’dan il-mod malli ndeffsu s-simbolu speċjali se jieħu post awtomatikament l-ispazju normali.

Mit-tabelli ta’ fuqnett agħżel Insert u sib il-buttuna Symbol fuq il-lemin taż-żigarella (dik li għandha s-simbolu tal-omega).

Ikklikkja l-vleġġa ż-żgħira fuq il-lemin tal-buttuna ħalli tniżżel il-pavaljun. Dan se jurik xi ftit simboli, imma n-nonbreaking space mhux se jidher fost dawn. Ikklikkja minflok l-għażla More Symbols.


Issa se tidher tieqa oħra fejn għandek għażla kbira ta’ simboli. Ikklikkja t-tabella Special Characters. In-nonbreaking space huwa t-tmien wieħed fil-lista. Ikklikkja darba biex tagħżlu u Insert.


It-tieqa titlaq, u n-nonbreaking space issa ħa post l-ispazju li kellek qabel. Dan se jidher l-istess bħal spazju normali, u m’intix se tinduna malajr li qiegħed hemm. Madankollu, malli l-isem u l-kunjom jersqu lejn tarf il-vers, dawn se jibqgħu flimkien u l-isem se jinżel awtomatikament mal-kunjom fil-vers li jmiss.



Bħalma n-nonbreaking hyphen nista’ nipprogrammah permezz tal-AutoCorrect, hekk ukoll nista’ nagħmel għan-nonbreaking space, imma f’dan il-każ irrid noqgħod attent għax dan ma jkollix bżonn nużah fil-każijiet kollha. Għalhekk l-aħjar ħaġa hija li tpoġġi nonbreaking space manwalment biss f’dawk il-każijiet fejn hemm bżonnu.

Sunday, September 29, 2013

Test Maqlub fuq Paġna fil-Word 2010

Xi ftit żmien ilu xi ħadd saqsieni dwar test li jidher rasu ’l isfel f’paġna. Wieħed jista’ jiġi bżonn dan, ngħidu aħna, f’xi dokument edukattiv, jew test tal-iskola, fejn għandek għażla ta’ taħriġiet jew mistoqsijiet, u tkun trid tpoġġi t-tweġibiet fil-qiegħ tal-paġna, maqlubin rashom ’l isfel.

Bil-verżjonijiet l-antiki tal-Word dan kien ftit diffiċli, imma fil-Word 2010 jista’ jsir faċilment, għalkemm ikollok tagħmel xi xogħol billi m’hemmx funzjoni awtomatika għal dan.

Jekk trid li ma jkollokx ħafna frilli għat-test maqlub, trid taċċerta ruħek li t-test juża l-istess tipa u daqs tat-test ewlieni, jew forsi f'daqs kemm kemm iżgħar. Dan tista’ tpoġġih fil-footer tal-paġna u tista’ wkoll tpoġġi linja rqiqa biex tifirdu mit-test ewlieni tal-paġna.

Għalhekk l-aħjar li tagħmel huwa li tittajpja t-test li trid jinqaleb b’mod normali fuq il-paġna ħalli jiret mall-ewwel l-istil tat-test ewlieni.
  1. Ittajpja t-test normali daqs li kieku huwa parti mit-test ewlieni.
  2. Agħżlu (highlight) u agħżel Cut. Issa t-test ‘qlajtu’ minn fuq il-paġna u jinsab fil-memorja tal-Word.
  3. Mur fuq it-tabella Insert u Word Art. Mil-lista li tidher, agħżel l-ewwel waħda. L-istil li jidher hawn mhux se jagħmel differenza għax se nbiddluh dalwaqt.
  4. L-għażliet għal Paste
  5. Se jidher it-test “Your text here” u se jkun magħżul. Ħallih magħżul u mit-tabella Home niżżel l-għażliet għal Paste. Ikklikkja fuq l-ewwel għażla, Keep source formatting (K), (l-istampa bil-pinzell). It-test li qlajt minn fuq il-paġna issa jidher fil-kaxxa tal-WordArt. Jekk ikollok xi spazju żejjed wara t-test, neħħih bil-backspace. It-test li jidher suppost għandu l-istess stil tat-test ewlieni li qed tuża fid-dokument. Jekk tixtieq li jkun iżgħar, ikklikkja darbtejn fuqu biex tagħżlu kollu u biddel id-daqs bħas-soltu.
  6. Jekk trid li t-test ikollu linja li tifirdu mill-kumplament tat-test ewlieni, ikklikkja xi mkien fuq l-aħħar vers. Mit-tabella Home mur fuq il-grupp Paragraph u sib il-buttuna tal-burduri (Borders). Niżżel il-lista ta’ għażliet u kklikkja Bottom Border. Din tpoġġilek linja f’qiegħ il-kaxxa tal-WordArt.
  7. Issa sakemm għadek qed taħdem fuq il-WordArt għandek tara kaxxa madwaru. Jekk it-truf tal-kaxxa mhumiex linji sħaħ (kontinwi), tista’ teditja l-kliem. Biex tkun tista’ teditja l-kaxxa innifisha minflok il-kontenut tagħha, ikklikkja fuq tarf minnhom sakemm il-linji jidhru sħaħ (kontinwi).
  8. F’kull każ, għandek tara wkoll linja żgħira tielgħa minn nofs it-tarf ta’ fuq, li jispiċċa f’ballun żgħir aħdar. Dan huwa l-maqbad (il-handle) li jħallik iddawwar il-kaxxa. Meta tagħmel dan il-kontenut se jdur magħha.
  9. Dawrien tal-WordArt
  10. Ikklikkja u żomm il-buttuna l-ħadra u mexxi lejn il-lemin jew lejn ix-xellug: se tara l-qafas tal-kaxxa jdur ukoll. Malli ddawru 180 grad, itlaq il-maqbad. Dan għandu jkun preċiż għax ġeneralment isib postu waħdu. Għandek tara li t-test issa jidher rasu ’l isfel.
  11. Nikklikkjaw fuq tarf tal-kaxxa ħalli naċċertaw li qed nagħżlu lilha, mhux it-test ta’ ġo fiha biss, u nagħżlu Cut.
  12. Niskroljaw ’l isfel lejn qiegħ il-paġna. Issa rridu npoġġu l-kaxxa tal-WordArt fil-footer tal-paġna. Nikklikkjaw darbtejn malajr fil-vojt taħt nett tal-paġna, ħalli taqliblek mill-paġna ewlenija għall-footer.
  13. Ikklikkja Paste. Il-kaxxa għandha tidher mill-ġdid.
  14. Biex issib postha sewwa fl-ispazju tal-footer, erġa’ kklikkja darba fuq xi tarf tagħha bil-buttuna tal-lemin tal-maws. Mil-lista ta’ għażliet li jitfaċċaw, agħżel Wrap text u In Line With Text. B’dan il-mod se ‘tankra’ l-kaxxa tal-WordArt mal-marġini tat-test normali.
Test maqlub kif jidher f'qiegħ ta' paġna.
Dan huwa l-proċess bażiku kif toħloq test maqlub u tpoġġih f’qiegħ il-paġna, iżda hemm xi punti li għandek iżżomm f’moħħok.
  • Meta jkollok it-test maqlub u tkun trid teditjah, ikklikkja darbtejn malajr fuqu. Sakemm teditja t-test, dan se jerġa’ jdur wieqaf. Biex terġa’ ġġibu fl-istat maqlub ikklikkja xi mkien ieħor fuq il-paġna ’l barra mill-kaxxa.
  • Dan il-metodu jiswa biss jekk qed taħdem fuq dokument b’paġna waħda. Jekk le, billi l-WordArt tinsab fil-footer, se tirrepeti ruħha fil-paġni kollha! Jekk ikollok dokument b’aktar paġni u trid li l-WordArt tidher fuq paġna waħda biss, iddaħħalhiex fil-footer. Dan madankollu jfisser li jkollok toqgħod tilgħab ftit aktar biex taċċerta ruħek li l-WordArt tibqa’ eżatt fejn tridha int, u jinvolvi ftit aktar xogħol bir-Wrap Text u l-pożizzjoni tal-paragrafi l-oħra fil-kumplament tal-paġna.

Saturday, May 11, 2013

Tastiera virtwali tal-Malti għall-Mac OS X

James Mifsud (http://frogbat.com/downloads.php) ftit żmien ilu kien ħareġ tastiera virtwali għall-ittri Maltin biex tintuża fuq is-sistema Mac OS X. Fiha nnifisha din it-tastiera hija tajba ħafna, iżda għandha ftit żvantaġġi:

1.     Tagħmel użu mit-tasti tal-ittri Ingliżi, u minħabba f’hekk ikollok tagħfas sensiela ta’ tasti biex tilħaq l-ittri Maltin;
2.    Ma tipprovdix għall-vokali aċċentati tal-Malti à, è, ì, ò u ù.

Għalhekk fassalt tastiera virtwali li tixbah aktar it-tifsila ta’ fuq il-PCs, kif użata fuq il-Windows u li ssegwi l-istandard tal-Unicode. Din għandha l-vantaġġi tagħha.

Il-mod kif inhuma mifruxin l-ittri Maltin fit-tastieri Unicode tal-PCs (ISO 200:2002) hija fil-parir tiegħi aktar loġika. Ngħidu aħna, l-ittra [Ċ] mhix fuq it-tast ta’ [C], għax din tal-aħħar tintuża fil-Malti xorta waħda – anki jekk mhux uffiċjalment parti mill-alfabett – speċjalment f’kunjomijiet ħbal Camilleri. Aktar u aktar l-ittri l-oħra [Ġ], [Ħ] u [Ż], li l-verżjonijiet tagħhom mingħajr dijakritiċi huma parti mill-alfabett ukoll, m’għandhomx jinstabu fuq it-tasti [G], [H] u [Z]. Dan sfortunatament huwa l-każ bil-keyboard layout ta’ Mifsud, u wieħed ikollu bżonn jagħfas sensiela ta’ tasti biex jilħaq l-ittri Maltin.

It-tastiera virtwali li ħloqt semmejtha Maltese US Extended (billi l-firxa tat-tasti hija bbażata fuq il-US Extended). Taħdem tajjeb fuq it-tastieri tal-Mac (dawk li m’għandhomx is-sombolu tal-Windows fuqhom, u li jaħdmu biss mal-apparati Mac), imma jekk tqabbad tastieri oħra ma’ kompjuter Apple, dawn għandhom jaħdmu biha wkoll.

L-għajnuna tagħkom!

B’xorti ħażina jien m’għandix aċċess għal kompjuter Apple bl-aktar OS reċenti. Ix-xogħol t’hawn taħt għamiltu fuq laptop PC li nstallajt fih l-OS X 10.4.5, u stajt nippruvaha fuq iMac mill-antiki! Għalhekk napprezza jekk ikun hemm min jipprova t-tastiera fuq OS X aktar reċenti u jibgħat jgħidli taħdmix sewwa jew le, ħalli fil-każ nara kif nista' nirranġaha.

Kif tinstalla t-tastiera virtwali fl-OS X
  1. Niżżel il-fajl minn hawn. Dan huwa fajl iżżippjat li fih għandek issib il-fajl MalteseUSextended.keylayout.
  2. Poġġi l-fajl (mhux iżżippjat) fil-folder SYSTEM > Library > Keyboard Layouts u rristartja l-kompjuter.
  3. Għalkemm il-keyboard layout issa tingħaraf mill-kompjuter, ikollok bżonn tixgħelha biex taħdem biha fuq programmi differenti.
  1. Mur fuq System Preferences > International > Input Menu. Inżel ’l isfel fil-lista; għandek issib il-Maltese US Extended keyboard. Ittikkja l-kaxxa li hemm fuq ix-xellug, u oħroġ mis-System Preferences.
  2. Erġa’ rristartja l-kompjuter.
  1. Fuq id-desktop tal-kompjuter, fuqnett fuq il-lemin ħdejn l-ispeaker, għandek issib is-simbolu għal-language input (x’aktarx bandiera Ingliża jew Amerikana). Ikklikkja darba fuqha u għandha tinżel lista ta’ inputs tat-tastieri. Il-Maltese US Extended għandha tidher hemm (is-simbolu tagħha huwa tastiera żgħira, mhux bandiera). Ikklikkja fuqha biex tagħżilha.
  2. Issa malli ttella’ programm għandek tkun tista’ tittajpja bil-Malti billi tuża t-tastiera eżatt kif jintużaw il-tastieri tal-Malti għall-Windows.
Kif iġġib il-vokali aċċentati

Fuq it-tastieri nattivi tal-Mac mhemmx it-tast tal-ALT iżda simbolu ieħor uniku għall-Mac:
Tista’ tuża dan it-tast xorta waħda biex tħaddem il-vokali aċċentati u s-simboli l-oħra minflok l-ittri Maltin. Pereżempju, għall-vokali aċċentata ‘à’ agħfas dan it-tast mat-tast [A] minflok [ALT GR]+[A], eċċ.


Fuq it-tastieri tal-Windows hemm differenza fil-funzjonijiet tat-tast ALT (fuq ix-xellug) u ALT GR (fuq il-lemin). Il-vokali aċċentati u s-simboli l-oħra jinġiebu biss bl-ALT GR. Madankollu fuq it-tastieri tal-Mac mhemmx din id-differenza, u għalhekk tista’ tużahom ż-żewġ tasti fuq kull naħa tal-ispace bar.

It-tastiera virtwali Maltese US Extended taħdem fuq it-tastieri nattivi tal-Mac. Madankollu, għal min għandu l-Mac OS X installat fuq PC b’tastiera tal-Windows, din il-layout għandha taħdem tajjeb xorta waħda.

Il-fonts tal-Mac u l-alfabett Malti


Tajjeb li tkun taf madankollu li mhux it-tipi (fonts) kollha installati mill-OS X jipproduċu l-ittri Maltin sew. Erba’ tipi li jien sibt puliti ħafna huma t-Times (mhux it-Times New Roman), il-Courier, il-Helvetica u l-Lucida Grande. Jekk tesplora ftit għandek issib oħrajn li huma tajbin ukoll.

Noti oħra

Jekk fil-menù tal-Input fuq id-dekstop it-tastiera virtwali tidher imma hija ‘mitfija’ (ma taħdimx), dan għaliex x’aktarx il-programm għaddej dak il-ħin ma jagħrafx keyboards oħrajn.

Jista’ jkun li fuq verżjonijiet antiki tal-Mac OS il-keyboard layout ma taħdimx.

Nistenna kummenti mingħandkom!
  

Friday, April 26, 2013

Differenzi bejn Word 2007 u Word 2010

Attenti għal din, speċjalment jekk tagħmlu ħafna xogħol fuq il-Word u tużaw it-Track Changes!

Jeżistu xi diskrepanzi bejn it-Track Changes tal-Word 2007 u l-Word 2010. Mhumiex gravi ħafna, iżda jistgħu joħolqu xi inkonvenjenzi – u forsi anki xi nuqqas ta’ ftehim bejn il-qarrej tal-provi u l-klijent tiegħu.

Dan l-aħħar kont qieħed naħdem fuq dokument ta’ klijent li ħadem id-dokument tiegħu fuq il-Word 2007. Jiena bħalissa qiegħed naħdem bil-Word 2010. Meta għaddejtlu d-dokument lest, bagħat isaqsini fuq xi tibdiliet fil-format tad-dokument, u li kienu mmarkati mit-Track Changes. Dawn kienu tibdiliet li kellhom x’jaqsmu mas-superscript u s-subscript tat-test.

Dan ħawwadni ftit, għax kont ċert li f’dak ix-xogħol ma kont irranġajt xejn li kellu x’jaqsam mas-superscripts. Tlabtlu jibgħatli lura d-dokument biex nara x’kienet il-biċċa. Malli tellajtu fuq il-kompjuter, ma rajt xejn ħażin – speċjalment ma rajtx dawk il-marki li l-klijent kien ġibidli l-attenzjoni fuqhom.

Biss malajr ġieni s-suspett li l-Word b’xi mod jew ieħor kellu x’jaħti. Saqsejt lill-klijent x’verżjoni tal-Word kien qiegħed juża. Malli qalli li kienet il-Word 2007, qalbi għamlet tikk. Biex nikkonferma, tellajt l-istess dokument li bagħatli fuq Word 2007, u fil-fatt sibt il-marki tat-Track Changes li semmieli – marki li jien, fil-Word 2010, ma kontx għamilt!

It-tagħlima minn din il-parabbola?

  • Iċċekkja mal-klijent x’verżjoni qed tużaw għad-dokument.
  • Idealment, bħala qarrej tal-provi professjonali, għandu jkollok mill-inqas żewġ verżjonijiet differenti tal-Word, jekk hu possibbli anki tlieta (eż. 2003, 2007, 2010). B’hekk inti tkun tista’ taqleb minn verżjoni għal oħra skont x’jagħtik il-klijent.
  • Huwa importanti ħafna li lill-klijent tibgħatlu d-dokument lura fl-istess verżjoni li jkun bagħatlek hu, speċjalment jekk il-verżjoni tiegħu hija aktar antika minn dik li qed tuża int.
Ftit li xejn insib diskrepanzi bħal dawn bejn il-verżjonijiet tal-istess programm, u ħafna drabi dawn jitilgħu fil-wiċċ b’kumbinazzjoni. Jekk nilmaħ aktar, intellagħhom hawnhekk. Napprezza wkoll jekk tgħiduli b’xi misavventuri simili li tiltaqgħu magħhom.

Sunday, March 24, 2013

MAL1048 u l-ECDL

Xi wħud staqsewni rigward il-livell tal-ħiliet li qed inkopru fil-lezzjonijiet tal-Għodod Elettroniċi fil-kors tal-qari tal-provi u jekk dawn il-ħiliet jagħmlux parti mis-sillabu tal-ECDL (European Computer Driving Licence).

Għal min mhux midħla tiegħu l-ECDL (www.ecdl.com.mt) ikopri l-aktar ħiliet importanti li wieħed għandu bżonn biex iħaddem kompjuter f’uffiċċju. Hemm żewġ sillabi tal-ECDL: il-core modules huma sebgħa u jkopru l-affarijiet l-aktar bażiċi dwar terminoloġija u sfond bażiku, maniġġar ta’ fajls, wordprocessing (Word), spreadsheets (Excel), databases (Access) u presentations (PowerPoint) u l-użu tal-Internet. Biex ikollok ċertifikat bażiku tal-ECDL trid tkun għaddejt minn kull module. Umbagħad hemm il-modules avvanzati, li huma erbgħa u li jkopru l-wordprocessing, spreadsheets, databases u presentations. Dawn tista’ tagħmilhom separati u tieħu ċertifikat separat għal kull wieħed li tgħaddi minnu. Illum il-ġurnata l-eżamijiet tal-ECDL huma kollha awtomatizzati. Bħalissa s-sillabu tal-core modules huwa fil-ħames verżjoni fil-waqt li l-avvanzat huwa fit-tieni verżjoni. L-eżamijiet huma bbażati fuq l-Office 2010.

Xi aspetti li nkopri fil-kors tal-qari tal-provi jagħmlu parti mil-livell bażiku (Core), waqt li oħrajn jinsabu fil-livell avvanzat.

Hawn taħt tista’ ssib lista tal-aspetti kollha kopruti fil-lezzjonijiet tagħna u l-livell ECDL li jinsabu fih. Naturalment m’iniex qed ninkludi l-ħiliet bażiċi bħal dħul ta’ kliem u sentenzi f’dokument, maniġġjar ta’ fonts u taħżin ta’ dokumenti, li jinsabu kollha fil-livell bażiku. In-numri jirreferu għas-sezzjonijiet kif jinsabu fis-sillabu kkonċernat (Core jew AM3, li hija l-module avvanzata tal-Word).

Illoggjar f’kompjuter permezz ta’ User ID (Core 2.1.1.1)

Issettjar tal-lingwa fl-operating system (Core 2.1.2.3)

Użu tan-NotePad (Core 2.2.3.2)

Issettjar tal-lingwa fil-Word (mhix inkluża)

Użu tal-Find & Replace bażiku (tibdil ta’ kliem u ittri) (Core 3.2.2.5)

Użu tal-Find & Replace avvanzat (tibdil ta’ simboli u formati) (AM3 1.1.2)

Użu tal-AutoCorrect u l-AutoFormat (AM3 3.5.1)

Użu tat-Track Changes u kummenti (AM3 3.5.2)

Ħolqien u użu ta’ macros (AM3 3.5.4-5)

L-użu ta’ Track Changes (AM3 4.1.1)

Aċċetta jew iċħad tibdiliet (AM3 4.1.2)

Ħolqien ta’ kummenti  (AM3 4.1.3)

Naturalment mhuwiex l-iskop tal-lezzjonijiet tagħna li jkopru l-ECDL, li fih ħafna aktar ħiliet kemm fil-Word kif ukoll fil-programmi l-oħra li l-kors ma jkoprix. Min huwa interessat fl-ECDL nissuġġerilu jżur is-sit elettroniku tal-ECDL Malta (www.ecdl.com.mt). Aktar tagħrif jinsab ukoll fis-sit uffiċjali tal-European Computer Driving Licence Foundation (www.ecdl.com).

Sunday, March 17, 2013

Oħloq Żigarella għall-Macros tal-Qari tal-Provi (4)

Fig. 1

Fl-aħħar posta ssettjajna xi buttuni għall-macros fit-tabella MACROS u l-gruppi tagħha tat-Tipa, Punteġġatura, Ortografija u Format. Malli nikklikkjaw fuq it-tabella MACROS tidhirli ż-żigarella tal-macros. Imma l-ismijiet tal-macros huma twal wisq u ma jidhrux sbieħ. Barra minn hekk l-ikona ta’ kull macro hija l-istess u, ngħiduha kif inhi, mhix daqstant gustuża, lanqas.

L-ismijiet tal-macros nistgħu nagħmluhom iqsar u aktar ċari. Il-Word jagħtik iċ-ċans tbiddel l-ikoni wkoll, u teoretikament nistgħu anki nagħmlu ikona differenti għal kull macro, għalkemm ma nagħtix parir li tagħmel dan. Il-problema hi li l-ikoni li nistgħu nużaw ġejjin minn grupp limitat ta’ ikoni li jissuġġerilek il-Word stess, u sa fejn naf jien m’hemm l-ebda mod biex iżżid fuq din il-lista billi tiddisinja l-ikoni int jew timpurtahom min xi mkien ieħor.

Imma qed ngħaġġel. Ħa nimxu pass pass...

1.       Iftaħ il-Word, u bil-buttuna l-leminija tal-maws ikklikkja xi mkien fuq iż-żigarella.

2.      Agħżel Customize the Ribbon.

3.      Għal-lista li ssib fuq il-lemin agħżel il-lista tal-Main tabs fejn għandek Customize the Ribbon fuq nett.

4.      Jekk għamilt kollox eżatt kif semmejna fl-aħħar posta għandu jkollok tabella jisimha MACROS. Ikklikkja s-salib li għandha fuq ix-xellug biex tiftaħ il-lista ta’ gruppi li hemm fiha.

5.      Jekk tikklikkja fuq is-salib biswit kull Grupp, tkun tista’ tara l-macros kollha li hemm f’dak il-grupp.

6.      Issa, ikklikkja darba fuq waħda minn dawn il-macros.

7.      Biex tkun tista’ tbiddel isimha, ikklikkja l-buttuna Rename li tinsab taħt nett tal-lista.

8.     Kif tista’ tara issa nfetħet il-kaxxa tar-Rename. Hawnhekk nistgħu naraw ukoll li barra milli nbiddel l-isem, nista’ nagħżel ukoll ikona minn dawk li hemm lesti (Fig. 2).

9.      Ittajpja isem ġdid għall-macro, u kklikkja fuq dik l-ikona li togħġbok.

10.  Ikklikkja OK biex tirreġistra t-tibdiliet tiegħek.
 
Fig. 2

Kif tistgħu taraw fl-eżempju tiegħi għażilt li nuża l-istess ikona għal dawk il-macros li għandhom l-istess tip ta’ funzjoni, jiġifieri ikona għall-macros tat-Tipa, waħda għal dawk tal-punteġġatura, eċċetra. Naturalment, inti tista’ tagħżel ikoni differenti.

Ftakar ukoll li jekk iż-żigarella tal-macros, bit-tabella u l-gruppi tagħha kollha, trid għal xi raġuni tneħħiha għal kollox, tista’ tagħmel dan billi tikklikkja l-buttuna Remove. It-tabella, il-grupp jew il-macro li jkollok magħżula dak il-ħin titneħħa mil-lista.

Saturday, March 16, 2013

Vidjolezzjoni Nru. 19 - Kif toħloq żigarella (ribbon) fil-Word 2010

Ħarġet id-dsatax-il vidjolezzjoni fis-sensiela, li turi kif wieħed jista' joħloq żigarella fil-Word 2010. Din il-vidjolezzjoni timxi prattikament pass pass mas-sensiela ta' posti li qed intella' bħalissa fil-blogg. It-taqsima li jmiss f'din is-sensiela se toħroġ dalwaqt...

Sadattant, il-vidjolezzjoni tistgħu tarawha hawn.

Sunday, March 10, 2013

Oħloq Żigarella għall-Macros tal-Qari tal-Provi (3)

 Fig. 1

Issa li ħloqna tabella għall-macros u mill-inqas grupp wieħed ma’ din it-tabella, wasal il-waqt li npoġġu xi ħaġa fihom.

L-aħħar darba rajna kif meta mmur fuq Customize the Ribbon (ikklikkja bil-buttuna tal-lemin fuq parti miż-żigarella biex tagħżilha), din tagħtini żewġ listi fuqhiex naħdem. Użajna l-lista ta’ fuq il-lemin biex noħolqu t-tabella li semmejna MACROS.

1.       Jekk tixtieq toħloq eżatt iż-żigarella kif qed nuri jien f’dan l-artiklu (Fig. 1) tista’ toħloq minn issa erba’ gruppi f’din it-tabella. Kif tista’ tara jien qassamt il-macros skont il-funzjoni tagħhom hekk: Tipa (macros li jimmaniġġaw il-fonts tal-Malti l-antiki), Punteġġatura, Ortografija u Format. Naturalment inti tista’ tirranġahom kif ikun l-aktar komdu għalik.

Jekk tagħmel dan u tiftaħ il-lista tal-MACROS fil-kaxxa tal-lemin għandek issibhom illistjati hekk (Fig. 2):

 Fig. 2

Nota: Tippruvax tuża l-ittri Maltin meta tagħti isem lill-gruppi u lill-macros għax ma jaħdmux tajjeb (eż. Punteggatura minflok Punteġġatura).

2.      Issa ħa nħarsu lejn il-lista li għandi fuq ix-xellug (Fig. 3). Fuqnett għandi Choose Commands from. Inniżżlu din il-lista u nikklikkjaw Macros. Issa se tidher il-lista sħiħa tal-macros kollha li għandi maħżunin fil-Word (Fig. 4).

 Fig. 3

3.      Nikklikkja fuq l-ewwel waħda li rrid inżid fit-tabella, pereżempju TIPAtornado2arius.

4.      Fil-lista l-oħra, nikklikkja fuq l-isem tal-Grupp fejn irrid inpoġġiha, f’dan il-każ fil-Grupp tat-Tipa.

5.      Bejn iż-żewġ listi għandi l-buttuni Add u Remove (Fig. 4). Nikklikkja fuq Add.

 Fig. 4

Issa nista’ nara li l-macro żdiedet fil-Grupp tal-macros tat-Tipa.

6.      Nagħmel l-istess għall-kumplament tal-macros li rrid inpoġġi fiż-żigarella.

Mela issa għandna grupp ta’ buttuni għall-macros f’żigarella għalihom. Jekk nikklikkja fuq it-tabella tal-MACROS issa se tidher iż-żigarella.
 
Mall-ewwel tista’ tara li l-affarijiet mhux qed jidhru sbieħ ħafna, speċjalment għaliex l-isem ta’ kull macro huwa twil. Għalhekk issa għandna bżonn inbiddlu ftit l-estetika wkoll. Nixtieq li jkolli isem kull macro imqassar imma fl-istess ħin ċar biżżejjed biex jispjegali l-funzjoni ta’ kull waħda. Nixtieq ukoll inbiddel l-ikona, jew l-istampa, ta’ kull macro biex jidhru ftit isbaħ.

Dan se nagħmluh fil-posta li jmiss.

Friday, March 8, 2013

Vidjolezzjoni Nru. 18: Il-Quick Access Toolbar fil-Word 2010

Għadha kemm telgħet it-tmintax-il vidjolezzjoni tas-sensiela msejsa fuq il-kors tal-Qari tal-Provi.

Hawnhekk niddiskuti kif wieħed jista’ jimmaniġġa l-Quick Access Toolbar. Din hija l-istrixxa ż-żgħira ta’ buttuni li tidher fuqnett fuq ix-xellug tat-tieqa tal-Word 2010.

Bil-verżjoni 2007 tal-Microsoft Office rajna għall-ewwel darba ż-żigarelli bil-ħafna buttuni u għażliet li forsi jidhru ftit li xejn ikkumplikati. Fil-fatt għal ħafna nies il-menù kif kien qabel, sal-verżjoni 2003, kien ħafna aktar prattiku u faċli biex tużah.

Il-programmaturi f’Microsoft jidher li rrealizzaw dan ukoll, għaliex barra miż-żigarelli u l-buttuni l-kbar introduċew il-Quick Access Toolbar. Biss, poġġewha f’rokna fejn bilkemm tidher, u ftit huma dawk li jafu li din wieħed jista’ jirranġaha u permezz tagħha jimmaniġġa l-parafernalja ta’ buttuni fil-programm. Fil-fatt, jekk tippjana sew liema buttuni tista’ tpoġġi fiha tista’ tispiċċa biex iż-żigarelli ma tużahom kważi xejn.

Biex tara kif tista’ timmansa ż-żigarelli permezz tal-Quick Access Toolbar, tista’ taċċessa l-vidjolezzjoni minn hawn.

Saturday, March 2, 2013

Oħloq Żigarella għall-Macros tal-Qari tal-Provi (2)

Fig. 1

Il-parti l-kbira tan-nies li jużaw programm ikkumplikat bħall-Word ftit li xejn jużaw ħafna mill-funzjonijiet avvanzati tiegħu. Bl-istess mod, ħafna nies sempliċement jużaw il-programm “kif jiġi” mingħajr ma joqogħdu jħabblu rashom kif jistgħu jirranġawh għall-kumdità tagħhom.

Eżempju ta’ dan huma ż-żigarelli (ribbons) li jinsabu fil-quċċata tat-tieqa tal-Word (u ta’ kull programm ieħor li jagħmel parti mill-Microsoft Office), u li bdew jidhru fil-verżjoni li ħarġet fl-2007. Dawn iż-żigarelli mad-daqqa t’għajn jidhru kkumplikati ħafna għax għandhom ruxxmata buttuni u għażliet oħra, imma fil-fatt wieħed jista’ jimmanipulahom u jibiddilhom skont il-bżonnijiet tiegħu.

Kif wegħidt fl-ewwel parti ta’ din is-sensiela, hawnhekk se nuri kif wieħed jista’ joħloq żigarella kompletament ġdida biex ipoġġi fiha l-buttuni u l-għażliet li jixtieq hu. Fiż-żigarella l-ġdida tagħna se npoġġu buttuni għall-macros li nkun ħloqt jien jew li nkun ġbart minn xi mkien ieħor.

Hemm żewġ modi biex inkun nista’ nibda nagħmel dan:

1.       Mur fuq File > Options > Customize Ribbon, jew

2.      Ikklikkja bil-buttuna tal-lemin fuq xi mkien fiż-żigarella stess (ma jimpurtax liema waħda tkun qed tidher dak il-ħin) u agħżel Customize the Ribbon...

Issa se tidher tieqa kbira mqassma f’żewġ kolonni. Minn hawn tista’ timmaniġġa kemm il-buttuni li jidhru fil-Quick Access Toolbar (il-kolonna fuq ix-xellug) kif ukoll il-buttuni u l-għażliet li trid li jidhru fiż-żigarelli (dik tal-lemin). Bħalissa din tal-aħħar tinteressana l-aktar, u se nikkonċentraw fuqha (Fig. 2).
Fig. 2

L-ewwelnett naraw li fl-istrixxa ta’ għażliet li għandi fuqnett, Customize the Ribbon, għandi magħżula Main Tabs. Fil-kaxxa ta’ taħtha qed tidher lista tagħhom, dawk li fil-quċċata tal-iskrin tal-Word jidhru wara xulxin mix-xellug għal-lemin.

3.      Ikklikkja l-kaxxa ż-żgħira bis-salib fiha [+] biex tiftaħ tab minnhom u tara l-gruppi ta’ għażliet li hemm fiha.

Kif wieħed jista’ jara dawn nistgħu nirranġawhom kollha – saħansitra anki nirranġaw kif jidhru wara xulxin fuq l-iskrin permezz taż-żewġ vleġeġ li għandi fuq il-lemin tal-lista. Imma aħna hawnhekk irridu noħolqu tab ġdida.

4.      Poġġi l-cursor fejn trid li t-tab tibda tidher fost it-tabs l-oħra u kklikkja l-buttuna New Tab li tinsab taħt il-lista fuq ix-xellug. Issa se tidher tab ġdida mmarkata New Tab (Custom), u se jkolli taħtha New Group (Custom).

Qabel ma tibda ddaħħal buttuni hawnhekk, biddel l-ismijiet tat-tab u tal-grupp. Fl-eżempju tiegħu (Fig. 1) tista’ tara li semmejt it-tab MACROS.

5.      Ikklikkja fuq it-tab il-ġdida biex tagħżilha, u fuq il-buttuna Rename li tinsab taħt il-lista fuq il-lemin.

6.      Se tidher kaxxa bl-isem New Tab. Hawnhekk ittajpja l-isem li trid int.

Kif tista’ tara f’Fig. 1, qassamt il-macros tiegħi fi gruppi biex insibhom malajr. Jekk tkun taf kif biħsiebek tqassam il-macros tiegħek, tista’ toħloq il-gruppi issa, billi ssegwi l-istess proċedura:

7.      Ikklikkja biex tagħżel New Group (Custom) u Rename biex iddaħħal l-isem il-ġdid.

8.     Għal kull grupp ġdid li trid toħloq ikklikkja l-buttuna New Group isefel nett.

Mela s’issa ħloqna tab ġdida u grupp ġdid biex inpoġġu l-buttuni fihom. Għalissa nieqfu hawn. Fil-posta li jmiss naraw kif inpoġġi l-macros fiż-żigarella.

Friday, March 1, 2013

Vidjolezzjoni Nru. 17: Kif tesporta u tinstalla macro bil-Word 2010

Għadha kif telgħet is-sbatax-il vidjolezzjoni fis-sensiela ta' vidjolezzjonijiet ibbażati fuq il-kors tal-Qari tal-Provi bil-Malti.

F'din il-vidjolezzjoni naraw kif wieħed jista' jgħaddi macro minn kompjuter għal ieħor.

Ikklikkja hawn biex tmur direttament għall-ħolqa ta' YouTube.

Tuesday, February 26, 2013

Grazzi lill-ewwel ħames reġistranti!

Nixtieq nirringrazzja lill-ewwel ħamsa min-nies li rreġistraw għal dan il-blogg.

Bħalma kont wegħidt, nixtieq nibagħtilkom kopja tal-ktieb elettroniku tiegħi “Kif Toħloq eBook bil-Malti”. Dawn il-ħames reġistranti huma:

Joe Mizzi

Mary Rose Vella Haber

Victoria Cassar

Grazio Barbara

Steven Borg

Billi l-ktieb huwa f’format PDF, tkunu tistgħu tirċevuh direttament permezz tal-posta elettronika. Ibagħtuli posta elettronika fl-indirizz t’ hawn taħt biex inkun nista’ nibagħtilkom il-ktieb.

normancborg@gmail.com

Friday, February 22, 2013

Vidjolezzjoni Nru. 16: Kif toħloq macro fil-Word 2010

Għadha kif ħarġet is-sittax-il vidjolezzjoni fis-sensiela bbażata fuq il-kors tal-Għodod Elettroniċi.

F'din il-vidjolezzjoni naraw kif nistgħu, permezz tal-macros, nipprogrammaw il-Word biex jagħmlilna xogħol ripettittiv fuq id-dokumenti tagħna.

Ikklikkja hawn biex taqbeż dritt għas-sit ta YouTube.

Saturday, February 16, 2013

Għala dan il-blog?

Għall-erwieħ! Biċċa xogħol lesta. Ilek ħafna taħdem fuq dan id-dokument. Dortu fuq li dortu, u issa ċert mija fil-mija li huwa perfett. U fil-ħin ukoll! Kont wegħidt lill-klijent tiegħek li kellek tlestih sal-aħħar tax-xahar - u għada l-aħħar tax-xahar.

Mela, ħa nixegħlu l-laptop, intellgħu l-Word, u nagħtuh l-aħħar titwila għall-ġurament, qabel ma nibagħtuh lill-klijent bil-posta elettronika...

Il-Word tela’ sew... il-fajl qiegħed f’postu... nikklikkja fuqu...

Haw’ x’ġara? Id-dokument jidher f’postu, imma t-track changes fejn marru? Imma jiena ċert li kont għamilthom... naf bi żgur li kont għamilt saħansitra xi kummenti dwar xi frażijiet li dehruli strambi...

Tipprova tikkonvinċi ruħek li għadu ma wasalx il-mument li tippanikkja. Tipprova tiftakar x’kienu l-aħħar passi li għamilt. Tidħol fl-għażliet tat-Track Changes, biex tara biddiltx xi setting bi żball. Tipprova tiftakar x’kien semmielek dak l-imbierek waqt il-lezzjonijiet tal-kompjuter fil-kors tal-Qari tal-Provi – x’tista’ tagħmel f’din is-sitwazzjoni...

Għandek xi suspetti, imma għadek ma sibtx x’hemm ħażin. Bil-mod il-mod tibda tħoss il-fawra tiela’ għal rasek. Le, Ġuż, stenna ftit ieħor... tippanikkjax għalissa... (għalkemm forsi f’dan il-waqt tibda – skont il-karattru jew l-atteġġament tiegħek – jew tinvoka lill-qaddisin jew tibagħthom jixxejru.)

U fl-aħħar f’moħħok issa qed tibda tberren l-idea li forsi tlift ix-xogħol kollu u jkollok terġa’ tibda mill-bidu... Issa? B’inqas minn ġurnata qabel id-data tal-għeluq...?

Orrajt, Ġuż, tista’ tibda tippanikkja...!

Ma nafx kemm minnkom għaddew minn xi sitwazzjoni simili, imqar b’xi operazzjoni oħra fuq il-kompjuter jew il-laptop: xi taqliba ta’ fonts fid-dokument; stili ssettjati tajjeb ġurnata imma mħarbtin għal kollox l-għada; żball li għamilt bil-Find & Replace u li ma tistax treġġgħu lura; insomma, il-kompjuter biss għandu immaġinazzjoni tant fertili li jiġik bi problemi li qatt f’mitt sena ma tobsor li jistgħu jinqalgħu (jew forsi jiġi bihom għax m’għandux immaġinazzjoni?). Qisu bħallikieku hemm xi xitan żgħir jgħix qalb dawk iċ-ċippijiet u mikroċippijiet, il-ħin kollu ppreparat biex iħassarlek dak li tkun qed tagħmel.

[Għal dan il-blog iddeċidejt li nsejjaħlu Xitaninu (il-kelma gremlin għandi l-impressjoni li diġà użaha xi ħaddieħor, u nibża’ li jfittxuni għad-drittijiet tal-awtur). Niggarantilkom li se nerġgħu niltaqgħu miegħu.]

Dan il-blog jieħu spunt mill-kors dwar l-użu tal-għodod elettroniċi fil-qari tal-provi bil-Malti, kors imniedi mid-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Għaldaqstant jiena nittama li jinteressa lil dawk li huma – jew li darba kienu – studenti tal-kors, u li bħala qarrejja tal-provi qegħdin jagħmlu użu sħiħ ta’ dawn l-għodod fix-xogħol tagħhom. Naturalment, bħal kull ħaġ’ oħra elettronika jew mekkanika, mhux kollox dejjem jimxi ħarir, u jiena ċert li tistgħu tiltaqgħu ma’ problemi li nittama ssibu s-soluzzjoni tagħhom hawnhekk.

Madankollu nixtieq li dan il-blog iservi wkoll bħala għajn ta’ diskussjoni rigward it-teknoloġija in ġenerali, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-Malti. L-islien Malti għaddej minn ħafna tibdiliet interessanti – forsi f’xi każijiet ftit kontroversjali wkoll. Sadattant it-teknoloġija stess għaddejja minn tibdil rivoluzzjonarju li jaqtagħlek nifsek bil-pass mgħaġġel tiegħu. Għalhekk aħna li nagħmlu użu kemm mill-ilsien kif ukoll mit-teknoloġija ninsabu l-ħin kollu fil-qalba ta’ ċaqliq kontinwu taħt saqajna. Wasalt biex tħossok komdu tuża l-Word 2010, u bdejt tapprezza l-preġji tal-Windows 7? B’daqshekk? Arahom ġejjin l-Office 365/2013 u l-Windows 8! Erġ’ ibda tgħallem mill-bidu...

Naturalment dan ma jgħoddx għal kulħadd, u m’għandekx taħseb li biex taħdem sew trid bilfors taġġorna l-programmi u l-kompjuter li għandek. Fil-fatt, għalkemm forsi wieħed ma jemminx, saħansitra anki l-Windows 98 u l-Office ta’ żmienu huma biżżejjed biex il-qarrej tal-provi jsib dak kollu li għandu bżonn biex jagħmel xogħlu (iva, anki l-fonts bil-Unicode). Imma l-ħajja teknoloġika mgħaġġla u ma tistenna ’l ħadd, u xi kultant ikollna bħal ħmir nimxu bil-pass li tiddettalna (jew aħjar li jiddettawlna l-kumpaniji l-kbar).

Għal ħafna snin darrejt lili nnifsi nikteb djarju ta’ kull kompjuter jew laptop li naħdem fuqu, speċjalment dawk li nkun xtrajt ġodda fjamanti jew li noqgħod nesperimenta bihom billi naqilbilhom l-operating systems jew inżidilhom jew innaqqsilhom il-hardware minn ġewwa jew minn barra. Għalhekk nikteb id-dati meta ninstalla xi programm ġdid, xi hard disk żejda jew inqabbad xi printer ġdid. Nikteb dettalji dwar kif jaħdem l-oġġett u kummenti speċjalment meta niltaqa’ ma’ xi problema u s-soluzzjoni tagħha. Għaldaqstant mhix problema kbira għalija li nikteb djarju dwar l-esperjenzi tiegħi fejn għandu x’jaqsam l-użu ta’ programmi tal-word processing (WP), desktop publishing (DTP), optical character recognition (OCR) u għodod oħra li jistgħu jgħinuni fl-ipproċessar ta’ dokument – affarijiet li llum jew għada se niġi bżonn bħala qarrej tal-provi. Għalhekk dan il-blog.

[M’iniex xi fanatiku tal-akronimi, imma ammetti: ma tħossokx ftit aktar professjonista meta tibda tfajjarhom bl-addoċċ...?]

Ma nistax inwiegħed li hawnhekk nistgħu insibu soluzzjoni għal kull problema li tista’ tinqalagħlek, imma se nippruvaw, imqar billi npartu xi ftit mill-ideat u mill-esperjenzi tagħna fil-qari tal-provi, speċjalment bl-użu tal-kompjuter u b’dak kollu li hu digitally cool illum. Għaldaqstant kull kumment f’dan il-każ merħba bih.

Se nkun qed nagħmilha ta’ moderatur għall-kummenti tagħkom, għalhekk tistennewx li l-posti li tibagħtu se jidhru mall-ewwel u awtomatikament. Dan mhux għax irrid niċċensura dak li tgħidu jew għax ma nkunx qed naqbel miegħu, imma għax nixtieq li fil-blog tidher biss posta li għandha x’taqsam mat-teknoloġija, għodod elettroniċi tal-kitba u tal-pubblikazzjoni, kif ukoll naturalment kitba u qari tal-provi ta’ dokumenti - kollu marbut mal-Malti u l-iżvilupp tal-lingwa. Nitlob lill-qarrejja ma jidħlux f’argumenti oħrajn. Fejn ikun hemm problemi strettament ortografiċi u lingwistiċi, għal dak hemm il-Grupp tal-Google tal-Qari tal-Provi, li huwa eċċellenti fih innifsu u li ma nixtieq bl-ebda mod nisraq il-funzjoni tiegħu.

Kif tistgħu taraw fuq il-lemin għandkom lista ta’ kategoriji biex tkunu tistgħu taċċessaw malajr posta ddedikata għal dak is-suġġett jew argument partikolari. Din il-lista se titwal maż-żmien. Jekk tkunu tridu tiddiskutu xi kategorija partikolari li mhix fil-lista tistgħu tibagħtu kumment ma’ waħda mill-posti separati. Jekk nara li jkun hemm xewqa ġenerali għal dan is-suġġett jew jidhirli li jixraqlu li nżiduh indaħħlu f’kategorija għalih.

Ma nistax inwiegħed li nżid posti regolari f’dan il-blog minħabba impenji oħra. Jekk tkun trid li tiġi mgħarraf meta nżid xi posta jew isir xi kumment dwar waħda mill-kategoriji, inżel taħt nett ta’ din il-posta u kklikkja l-ħolqa No comments. Se titfaċċa l-kaxxa fejn tista’ tittajpja l-kumment tiegħek. Għalissa tista’ jekk trid ma tikkummenta xejn, iżda kklikkja l-ħolqa Subscribe by email. Min issa ’l quddiem tibda tirċievi messaġġ fl-indirizz elettroniku tiegħek kull meta titfaċċa posta ġdida.

U l-aħħar ħaġa: dan il-blog jinvolvi qarrejja tal-provi – mela jekk issibu xi żball ortografiku jew tal-pinna (virtwali), ibagħtu għiduli – m’iniex se niddejjaq!

Nittama li dan il-blog issibuh ta’ interess, għajnuna u ispirazzjoni.